Spettur jaqla’ daqqa f’wiċċu fil-Qorti

Miguela Xuereb

Spettur tal-Pulizija qala’ daqqa f’wiċċu minn żagħżugħ ta’ 19-il sena fil-bini tal-Qorti, skont il-Pulizija.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-Ispettur sofra xi ġrieħi għas-1.15pm fil-Belt Valletta. L-Ispettur huwa stazzjonat fid-Distrett ta’ San Ġiljan.

Skont il-Pulizija żewġ żgħażagħ ta’ 16 u 19-il sena minn Bormla u Ħaż-Żabbar rispettivament tressqu l-Qorti b’rabta ma’ każ li seħħ il-Ħadd f’San Ġwann. Dawn allegatament ippruvaw jaħarbu mill-Pulizija bil-vettura li kienu fiha minn Tas-Sliema.

Il-Qorti llum ċaħdet it-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest. Skont il-Pulizija malli ħarġu mill-Awla biex jiġu skortati lejn Kordin, iż-żagħżugħ ta’ 16-il sena beda jhedded lil wieħed mill-Ispetturi. L-ieħor ta’ 19-il sena allegatament tela’ fuq bank u ta daqqa fuq wiċċ l-Ispettur.

“Pulizija oħra li dak il-ħin kienu fil-Qorti żammew liż-żewġ ġuvintur. Huma kienu arrestati mill-ġdid u tniżżlu fil-lock-up tal-Qorti. Huma mistennija jitressqu l-Qorti,” qalet il-Pulizija.

Il-Pulizija qalet li ż-żewġ żgħażagħ kienu għadhom kemm tressqu quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras akkużati li naqsu li jobdu l-ordnijiet tal-Pulizija u li serqu vettura fost akkużi oħra.