​Spettaklu uniku fil-Port il-Kbir fis-Sette Giugno

Il-Port il-Kbir se jospita dak li qed jitqies bħala l-ikbar spettaklu ta’ kull żmien waqt il-Valletta Pageant of the Seas li se jsir fis-7 ta’ Ġunju li ġej. Dan il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 jibda’ wara nofsinhar fil-festa pubblika u jibqa’ sejjer sa tard filgħaxija.
In-narrattiva hi ispirata mir-relazzjoni li teżisti bejn Malta u l-baħar, u se tiġi ppreżentata minn artisti Maltin li ħadmu id f’id ma’ kumpanija Spanjola.
Il-Granmastru mistenni jidħol fil-Port il-Kbir fuq il-Fernandes li se jkun imżejjen apposta għall-okkażjoni, akkumpanjat minn numru ta’ dgħajjes privati.
Filgħaxija l-Port il-Kbir se jospita ballun tal-logħob tan-nar li se jikser ir-rekord. Dan inħadem mill-kamra tan-nar ta’ Santa Katerina taż-Żurrieq u għandu dijametru ta’ 53 pulzier. Mhux se jonqsu l-logħob tan-nar fl-ajru kif ukoll dawk ta’ fuq il-baħar sinkorinizzati mal-mużika, bis-sehem tal-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ ta’ Ħal-Qormi, u l-kamra tan-nar tal-Indipendenza tal-Qrendi.
Matul il-jum se jkun hemm numru ta’ tlielaq kompetittivi tal-għawm. Se ssir ukoll regatta, fejn għadd ta’ qaddiefa Maltinu internazzjonali se jkunu qed jaqdfu mid-Dwana l-antika lejn Ras Ħanżir u lura.
Se jinħolqu raftijiet minn materjal riċiklat u iktar tard ikun hemm wirja minn tnax-il powerboat tat-tip Chaudron fil-Port il-Kbir.
Tħabbar li t-toroq bejn Evans Building u l-Għolja tal- se jkunu magħluqa għat-traffiku (b’eċċezzjoni għar-residenti) bejn il-Ħamis 7 ta’ Ġunju fid-9am u l-Ġimgħa 8 ta’ Ġunju fis-1am.
Għal iktar informazzjoni żur valletta2018.org.