Spettaklu ta’ dwal viżibbli minn naħa t’isfel tal-Ingilterra

Fenomenu mhux tas-soltu wassal għal spettaklu b'sorpriża li numru kbir ta' Brittaniċi setgħu isegwu hekk kif fi tmiem ix-xahar ta' Frar, tempesta manjetika wasslet biex id-dwal spettakolari tal-Aurora Borealis setgħu jidhru saħansitra minn Essex fl-Ingilterra.

Meta wieħed iqis li dawn id-dwal huma l-iktar komuni fl-Iżlanda, l-Iskandinavja u fil-partijiet iktar nordiċi, għall-Ingliżi dan kien fenomenu rari li ħalla lil ħafna, jibqgħu imqajjmin sabiex isegwu l-ispettaklu pprovdut. Id-dwal kienu viżibbli wkoll minn Glasgow fl-Iskozja.

Id-dwal nordiċi normalment ikunu viżibbli kawża ta' splużżjonijiet li jseħħu fuq ix-xemx, u li d-debris u l-partiċelli li jtiru jinqabdu fuq iz-zona manjetika tad-dinja. Ġeoloġisti qalu li din id-darba d-dwal kienu viżibbli minn partijiet daqshekk l-isfel tar-Renju Unit minħabba attività manjetika iktar b'saħħitha mis-soltu.