Spettaklu ta’ arti mill-isbaħ maħluqa minn nar ikkulurit

Il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’, fergħa importanti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, sejrin jieħdu sehem fl-attivitajiet festivi li se jkunu organizzati nhar il-Ħadd, 12 ta’ Jannar, 2020.  Fost oħrajn huma sejrin jesebixxu għadd ta’ rdieden mekkaniċi li għandhom joffru spettaklu ta’ arti mill-isbaħ maħluqa minn nar ikkulurit.

Intant, il-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar ‘Madonna taċ-Ċintura’  għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet tagħhom biex, b’kollaborazzjoni ma’ BG Malta Fireworks Display, din il-ġimgħa jmorru Sqallija fejn sejrin jesebixxu xogħlijiet pirotekniċi spettakolari tagħhom bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa titulari ta’ San Mauro Abbati, l-qaddis patrun tar-raħal pittoresk ta’ Viagrande fil-provinċja ta’ Katanja, Sqallija. 

Apparti dan, għall-25 sena konsekuttiva, l-President flimkien mal-Kumitat u l-Bandisti fi ħdan l-Għaqda Mużikali Marija Assunta żammew l-appuntament annwali tagħhom u daħlu fil-kmamar u s-swali u jduru d-Dar tal-Providenza  kollha. B’hekk huma ferrħu lir-residenti ta’ din id-dar li ma jistgħux jinżlu mis-sodod bid-daqq ta’ għanjiet tradizzjonali u innijiet popolari.

Il-President tal-Għaqda Mużikali Maria Assunta, is-sur Omar Xuereb qal li għall-kumitat u l-imseħbin, flimkien mal-bandisti tal-post, dan huwa l-isbaħ servizz fost is-servizzi kollha li l-Banda tagħhom tesegwixxi matul is-sena. Billi huwa l-ewwel servizz tas-sena, ikunu qegħdin jibdew is-sena b’għan nobbli billi jmorru jferrħu lill-Anġli tad-Dar tal Providenza. 

“Il-bandisti tal-post tal-Banda tagħna jkunu qegħdin jistennew b’ħerqa huma wkoll dan il-programm għax għalihom dan huwa appuntament annwali li bih  jibdew is-sera l-ġdida fuq nota pożittiva. Huma jduru s-swali kollha tad-Dar biex bil-mużika tagħhom iferrħu lir-residenti kollha. Tajjeb li ngħidu li l-Banda Marija Assunta Gudja hi l-unika banda li tagħmel dan għax il-baned l-oħra kollha joqogħdu fis-sala prinċipali fejn mhux kulħadd ikun jista’ jinżel.