Spettaklu speċjali għall-Qarċilla ta’ din is-sena

Trakk karnival! ​Litteralment. Hekk qed tkun deskritta l-ewwel ħarġa tat-teatru nazzjonali mal-pubbliku Malti li se tkun il-Qarċilla tradizzjonali, imma mħawra aktar mis-soltu.
Teatru Malta qalet li l-Qarċilla ta’ din is-sena se tkun spettaklu tat-triq b’karattri vvintati li jgħixu f’Ħal-Kawlata, ir-raħal tal-frott u l-ħxejjex, li jivvjaġġaw fuq trakk.
Teatru Malta ngħaqad ma’ Jacob Piccinino, li għadu kemm gradwa mill-iskola Jacques Lecoq f’Pariġi, li għaqqad flimkien tim ta’ artisti żgħażagħ li flimkein mal-poeta Leanne Ellul ħolqu spettaklu li jagħmel ġieħ lill-istorja twila tal-Qarċilla.
Ix-xalata farseska ta’ karikaturi, kuluri u ħsejjes se tkun qed iżżur il-Belt Valletta, il-Ħamrun, ir-Rabat Għawdex, in-Nadur u Ħal Għaxaq.
L-atturi ta’ din il-produzzjoni se jkunu qed jitkellmu bil-Malti b’kull tip ta’ aċċent filwaqt li s-sett, li hu ddisinjat minn Jennings Falzon, se jkun magħmul biss minn materjal riċiklat.
Għal aktar dettalji tista’ tidħol hawnhekk.
Il-Qarċilla hi l-ewwel test teatrali li qatt ġie rrekordjat bil-Malti, u jmur lura għall-1760, miktub minn Dun Feliċ Demarco.
Ritratt: Teatru Malta