Spettaklu mużikali ġdid mil-lejla

Enrico Ruggeri u Bianca Guaccero. Ritratt: iwan/ Uffiċju stampa RAI

Mil-lejla għal tlett ġimgħat konsekuttivi l-istazzjon nazzjonali Taljan Rai Uno se jkun qed iwassal spettaklu mużikali ġdid ppreżentat minn Enrico Ruggeri u Bianca Guaccero.

Una Storia da Cantare se jkun spettaklu li kull ġimgħa jfakkar kantawturi Taljani.

L-ewwel wieħed tal-lejla se jkun Fabrizio De Andrè li ħalliena kważi 21 sena ilu.

Permezz tal-mistiedna se jitwasslu bosta memorji u kurżitajiet dwaru, flimkien ma’ filmati tiegħu hekk kif naraw uħud mill-kanzunetti l-aktar ċelebri fil-karriera tiegħu.

Fabrizio De Andre: 18 Frar 1940 – 11 Jannar 1999

Dan kollu se jkun permezz tal-memorji li se jqanqlu l-mistiedna fil-programm tal-lejla, li Rai Uno jxandar mid-9.20pm ‘il quddiem.  Dawn jinkludu lill-kantanta Dori Ghezzi, li kienet ukoll f’relazzjoni ma’ dan il-kantawtur u se tiżvela mumenti partikolari mill-ħajja personali tagħhom.

Naraw ukoll x’għandhom xi jgħidu Massimo Ranieri, il-PFM, Paola Turci, Nek, Morgan, Loredana Bertè, Lino Guanciale, The Andrè, Elena Sofia Ricci, Anastasio, Ornella Vanoni u Willie Peyote.

Dan se jkun programm mhux biss li jqanqal nostalġija, iżda wkoll iwassal divertiment għas-Sibt filgħaxija. Il-programmi li jmiss se jkunu dedikati lil Lucio Dalla u Lucio Battisti.