Read in English.
Numru ta’ assoċjazzjonijiet ta’ speċjalisti mediċi qed jitolbu li jerġgħu jidħlu miżuri aktar restrittivi biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19, peress li skont huma, is-servizzi tas-saħħa qegħdin fi kriżi “li tista’ biss taqleb għall-agħar” mingħajrhom.
Qalu li biż-żieda fit-trażmissjoni tal-coronavirus fil-kommunità – minkejja l-aħħar restrizzjonijiet li daħlu – mistennija żieda fin-numru ta’ pazjenti li jkollhom bżonn kura fl-isptar, partikolarment issa li qed toqrob ix-xitwa. Ma’ din iż-żieda tkun mistennija wkoll żieda fir-rata tal-imwiet, wissew l-ispeċjalisti.
Fakkru li ħafna proċeduri elettivi ġa tħassru, u li kura medika oħra ma tkunx tista’ tingħata jekk is-servizzi tas-saħħa ma jifilħux mal-każi tal-Covid-19. Qalu li xeni bħal dawk li kien hemm f’Bergamo f’Marzu u April għandhom jiġu evitati akkost ta’ kollox.
Fl-istess ħin, l-ispeċjalisti fakkru li hemm bżonn li l-ħaddiema tas-saħħa nnifishom għandhom jiġu mħarsa biex jiġi evitat burnout emozzjonali, filwaqt li l-anzjani u l-vulnerabbli għandhom jiġu mħarsa ħalli jkunu jistgħu iħarsu ‘l quddiem għal ħajja wara l-Covid-19.
Insistew li kulħadd għandu jiġbed l-istess ħabel biex jinkisbu l-aqwa riżultati possibli fl-iqsar żmien.
“Miżuri nofs kedda mhux se jaħdmu. Għandna bżonn azzjoni drastika fil-qasir jekk irridu li s-saħħa u l-ekonomija jibdew jirkupraw fil-futur qarib,” ikkonkludew l-ispeċjalisti.
L-istqarrija ġiet iffirmata minn dawn l-assoċjazzjonijiet:
- The Malta Association of Public Health Medicine
- Association of Anaesthetists of Malta
- Malta College of Pathologists
- Association of Surgeons Malta
- Association of Physicians of Malta
- Association of Emergency Physicians
- Malta College of Obstetricians and Gynaecologists
- Malta Paediatric Association
- Malta Association of Psychiatry
- Malta Association of Dermatology and Venereology
- Malta Association of Radiologists and Nuclear Medicine Physicians
- Geriatric Medicine Society of Malta
- Malta Association of Ophthalmologists