Speaker jikkonferma għal għada filgħodu diskussjoni Parlamentari dwar il-qasma tal-MEPA

L-iSpeaker Anġlu Farrugia kkonferma li l-Parlament għada jista’ jibda jiddiskuti fit-Tieni Qari l-abbozz ta’ liġijiet dwar il-qasma tal-MEPA. Qal ukoll li l-kamra tista' taġġorna għal għada filgħodu. Dan minkejja l-insistenza tal-Oppożizzjoni li m’hemmx qbil dwar l-aġenda ta’ din il-laqgħa, kif ukoll li skont l-iStanding Orders tal-Kamra din għandha tiltaqa' bi ftehim bejn il-partiti jew skont il-ġranet u l-ħin stabbiliti fl-istess Standing Orders.
L-iSpeaker ta l-verdett tiegħu b’referenza għall-iStanding Orders tal-Kamra tar-Rappreżentanti wara li d-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco talab ruling tal-iSpeaker fid-dawl tal-fatt li l-House Business Committee ilu ma jiltaqa’ diversi ġimgħat u m’hemmx qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar din l-aġenda. Lejn l-aħħar tas-sessjoni, iż-żewġ whips ressqu l-argumenti tagħhom għaliex il-laqgħa għandha jew ma għandiex taġġorna għall-għada filgħodu.
De Marco saħaq li l-Oppożizzjoni qed tinsisti li għandu jkun hemm konsultazzjoni serja mas-Soċjetà Ċivili dwar dawn l-abbozzi ta' liġijiet qabel isir dibattitu fil-Parlament. Huwa sostna li ma jagħmilx sens li l-Parlament jibda jiddiskuti l-abbozzi ta’ liġi inkwistjoni jekk dawn għadhom mhux fil-forma finali tagħhom għaliex jekk qed issir konsultazzjoni serja mal-NGOs l-abbozz ta’ liġi se jinbidel.  
“Jekk se niddibattu [l-abbozz ta’ liġi] meta ma għandniex il-verżjoni finali qed ngħaddu lis-soċjetá ċivili u għaqdiet ambjentali biż-żmien@, huwa sostna..
Il-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia sostna li l-aġenda ta’ din il-ġimgħa kienet diskussa mal-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius. Huwa irrifjuta b’mod kategoriku li l-gvern qiegħed jgħaddi biż-żmien lil xi ħadd tant li qabel li ssir eċċezzjoni għall-iStanding Orders u aċċetta li l-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżviluppj jiddiskuti l-abbozzi ta’ liġijiet inkwesjoni minkejja li dawn ma jaqgħux taħt ir-remit tiegħu. Huwa sostna li l-emendi għall-abbozzi ta’ liġijiet jistgħu jinbidlu kemm frott is-suġġerimenti tal-Membri Parlamentari kif ukoll frott il-konsultazzjoni mas-Soċjetà Ċivili fi stadju ta’ kumitat fejn id-diskussjoni hi ppjanata, mill-Gvern, li ssir wara l-waqfa tas-sajf.