L-iSpeaker jiċċensura kliem Ian Borg

L-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farruġia ċċensura kliem li uża s-Segretarju Parlamentari Ian Borg waqt seduta Parlamentari l-ġimgħa li għaddiet u ordna t-tħassir tagħhom mit-traskrizzjoni ta’ dik is-seduta.

Waqt is-seduta ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, Borg qal li “ma jo***żmax ruħu” bil-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Azzopardi kien għadu kemm jagħmel mistoqsija supplimentari għal informazzjoni mogħtija mill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela, liema tweġiba ingħatat fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari Borg.

Eventwalment, botta u risposta bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni eskalat f’insulti u għajjat li wasslet lill-iSpeaker biex jissospendi l-laqgħa għal ftit minuti waqt li wissa lid-deputati preżenti dwar l-imġiba tagħhom.

Waqt li ta l-verdett tiegħu, l-iSpeaker, wissa lill-Membri Parlamentari li mġiba bħal dik ta’ li wasslet għas-sospensjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti, mhux se tkun tollerata, u tista’ twassal għas-sospensjoni tad-deputati li jġibu ruħhom b’diżrispett lejn il-Kamra, lejn deputati oħra jew lejn is-Sedja.

Id-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco, waqt li qabel mal-fatt li l-kliem ta’ Borg kellhom jiġu ċċensurati, oġġezzjona għat-tħassir tal-kliem mit-traskrizzjoni tal-minuti. Huwa sostna, li ladarba d-deputat, minkejja li apoloġizza pubblikament, ma rtirax l-kliem inkwistjoni, dawn ma għandhomx jitħassru mill-minuti li jikkostitwixxu dokument storiku u fattwali ta’ dak li seħħ waqt is-seduta.

L-iSpeaker saħaq li d-deċiżjoni tiegħu kienet imsejsa fuq il-prassi f’każi simili fil-Kanada, u ma laqgħax l-oġġezzjoni ta’ De Marco.