Spazju nazzjonali f’Malta għall-arti kontemporanja

Ritratt: DOI - Pierre Sammut

Malta se jkollha l-ewwel spazju nazzjonali dedikat lill-arti kontemporanja.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici li introduċa l-proġett MICAS (Malta International Contemporary Art Space).

Iċ-Ċerpersin tal-Bord tal-Koordinazzjoni tal-Proġetti Kulturali Phyllis Muscat qed tmexxi l-proġett.

Il-proġett MICAS se jkun fis-siti tal-Ospizio u tar-Ritirata fil-Furjana, fejn bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr immexxi mid-Direttorat tar-Restawr. Id-disinn tal-galleriji interni ta’ MICAS fir-Ritirata hu xogħol il-kumpanija IPO Studio.

Dan l-ispazju jfittex li jwaħħad żewġ elementi ewlenin: l-istorja tal-fortifikazzjonijiet mal-funzjonijiet ta’ spazju tal-arti kontemporanja. L-arkata ikonika ta’ Giovanni Barbara li tħares ’il barra fuq Marsamxett, li se tkun inkorporata f’dal-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u V18 Deo Debattista qal li dan l-ispazju se jkompli jimbotta lill-artisti Maltin biex jesponu t-talent u l-impenn tagħhom u b’hekk Malta tkompli tispikka fuq il-palk kulturali globali.

Il-proġett MICAS se jitnieda uffiċjalment fl-2021, b’xogħol l-artist internazzjonali Ugo Rondinione.

MICAS hu finanzjat mill-Istat u kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-iżvilupp tal-galleriji interni.