Spazju Kreattiv jitħażżem b’apparat esklussiv għall-persuni neqsin mis-smigħ

Tnediet is-Sistema tas-Smigħ (Hearing Loop) ġewwa ċ-Ċinema ta’ Spazju Kreattiv.
Din it-teknoloġija assistiva hi meqjusa bħala waħda effettiva u faċli biex tintuża. Taħdem billi tibgħat ħoss ċar minn sistema tal-ħsejjes direttament lejn l-apparat tas-smigħ mingħajr distorsjoni jew il-ħsejjes tal-isfond.
Il-Hearing Loop m’għandha bżonn l-ebda tagħmir addizzjonali u taqbad mal-apparat tas-smigħ billi wieħed ipoġġi l-apparat tiegħu fil-pożizzjoni ‘T’ u b’hekk jaqbad mas-sistema.
Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici sostna li dan se jkun qed jiftaħ iċ-ċinema għall-udjenza usa’ permezz ta’ iktar aċċessibilità. Qal li dan hu konformi mal-Istrateġija 2020 tal-Kunsill Malti għall-Arti li tagħti prijorità lil kultura aċċessibbli u inklussiva.
Waqt l-istess tnedija tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità, Anthony Agius Decelis, li notta kif Spazju Kreattiv huwa aċċessibbli wkoll għal dawk li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti. 
Semma li l-Hearing Loop System tinsab ukoll fis-Santwarju Ta’ Pinu f’Għawdex filwaqt li ħeġġeġ iktar entitajiet biex joħroġu bi proġetti li jippromovu l-aċċessibilità.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Kreattività, Rupert Cefai, tkellem fuq id-diversi xogħlijiet li saru fiċ-ċinema li jinkludu sistema ġdida ta’ loudspeaker 7.1 u l-installazzjoni ta’ houselights LED li jkomplu jtejbu is-sistema preżenti.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech