Sparawlu u ħarqulu r-razzett; Onorat mill-Birdlife

Read in English.

Raymond Vella ġie onorat bl-International Nature’s Hero award tal-2019 għall-ħidma ta’ 15-il sena fi ħdan Birdlife Malta. Vella kien ta’ spiss fil-mira ta’ vandaliżmu fejn fost l-oħrajn it-razzett tiegħu tqabbad bin-nar apposta u darbtejn oħra kienu anki kienu sparati tiri lejh.

Raymond Vella rċieva dan l-unur waqt is-57 Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ din l-organizzazzjoni li saret fir-riżorsa naturali tas-Salina. Il-ħidma ta’ Raymond Vella kienet kontinwa minn żrigħ ta’ siġar għal għajnuna lill-għasafar milquta kif ukoll ħadem fir-riservi naturali partikularment Foresta 2000.

Waqt din il-laqgħa ġiet approvata riżoluzzjoni biex jiġi stabbilit Wildlife Crime Unit kif ukoll biex is-sena d-dieħla ma jinfetaħx l-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa għas-summien.

Is-Segretarju Ġenerali Saviour Balzan qal li Birdlife Malta se tibqa’ taħdem biex tkun konsolidata r-riserva naturali tas-Salina, biex ikun żieda fil-membri u l-voluntiera kif ukoll ikunu skoperti sorsi oħra ta’ finanzjament għal din l-organizzazzjoni mhux governattiva.

L-Uffiċjal Eżekuttiv Mark Sultana ppreżenta aġġornament tal-Istrateġija ta’ Birdlife Malta għas-snin sal-2022. 

F’din il-laqgħa ġie approvat ukoll il-kumitat il-ġdid ta’ Birdlife Malta għas-sentejn li ġejjin.