Filmat: Sparaw u ħatfu flamingu mir-riżerva tal-Għadira – BirdLife

Flamingu ntlaqat minn tiri u nħataf mir-riżerva tan-natura tal-Għadira bil-lejl skont il-BirdLife Malta.

Fi stqarrija, il-BirdLife Malta qalet li dan il-flamingu ‘residenti’ ilu jmur ir-riżerva għal din l-aħħar sena u nofs. Spjegat li l-Pulizija intalbet tinvestga dan il-każ li seħħ fid-29 ta’ Novembru f’dan is-santwarju protett. Qalu li persuna mhux magħrufa daħlet fir-riżerva bil-lejl, sparat il-flamingu, u serqitu.

L-għaqda qalet li matul il-lejl li fih seħħ il-każ, il-watchman li kien xogħol kien iċċekkja d-dawra tar-riżerva u li “dan jindika li ntuża’ xi forma ta’ senter b’silencer minħabba li ma nstemgħu l-ebda tiri”. Il-Ħaddiema tal-BirdLife Malta kienu qed jittamaw li l-għasfur ħalla s-sit biex ipassi sakemm ilbieraħ instab x’kien ġara verament.