Sparaw lejn parroċċa li tilqa’ l-immigranti fl-Italja

Il-logo fiċ-ċentru li jilqa' l-emigranti fit-Toscana

F’belt żgħira Taljana fit-Toscana ftit tal-jiem ilu kien hemm attakk fuq żagħżugħ mill-Gambia li qed jingħata kenn fil-parroċċa flimkien ma’ 100 immigrant ieħor, meta żewġ żgħażagħ fuq muturi sparaw fid-direzzjoni tiegħu.

Iż-żagħżugħ li dak il-ħin kien qed jagħmel passiġġata mal-blokk kif kien imdorri jagħmel, qabel jidħol jistrieħ, irnexxielu jevita t-tiri waqt li ż-żgħażagħ bdew jgħidu diskors razzist u ħarbu minn fuq il-post.  Eventwalment irriżulta li t-tiri kienu “blank”.

Buba Ceesay li għandu 24 sena daħal jiġri fil-parroċċa jirrakkonta lil sħabu dak li kien għadu kif għadda minnu. Għalkemm qalu li ġieli kien insulentat, qatt ma basar li kienu se jisparaw fid-direzzjoni tiegħu. Kif sema’ t-tiri kesaħ u staħba u wara li l-aggressuri ħarbu rnexxielu jiġbor wieħed mill-iskrataċ.

Dakinhar, għal ħabta tal-10.30pm deher l-ewwel sinjal ta’ nkwiet meta żewġ persuni resqu lejn il-parroċċa u bdew jinsulentaw lill-immigranti.  Il-Kappillan, Fr Massimiliano Biancalani, li ilu attiv mal-immigranti għal dawn l-aħħar snin, irrapporta fuq Facebook l-inċident li kien seħħ lil Ceesay. Il-messaġġ fuq Facebook intlaqa’ b’ħafna kummenti, uħud ta’ appoġġ għall-parroċċa u oħrajn jirredikolaw l-inizjattiva tal-qassis. Messaġġ minn dawn kien tal-Ministru tal-Intern Taljan, Matteo Slavini.

L-għada tal-inċident folla mdaqqsa ta’ nies inġabret f’Firenze, qrib il-post tal-inċident biex tipprotesta kontra r-razziżmu li qed jaħkem fl-Italja.  In-nies ġarrew kartelluni bil-kliem: “Firenze se tkun minn ta’ quddiem kontra r-razziżmu”.

Fr Biancalani fl-2015, kien sema’ t-talba tal-Papa Franġisku biex id-djoċesijiet madwar id-dinja jiftħu l-bibien tagħhom għall-immigranti u fetaħ ċentru żgħir fil-parroċċa li kien jieħu 20 persuna.  Iżda minħabba t-talba li kien hemm il-parroċċa ddeċidiet li tilqa’ aktar immigranti u llum hemm 110 persuni.