Sparaw fuq immigrant u rmewh il-baħar – Alarm Phone

Read in English.

L-għaqda mhux governattiva Alarm Phone qalet li l-Gwardja tal-Kosta Libjana sparat għall-immigrant u tefgħetu fil-baħar.

F’diversi Tweets, l-għaqda spjegat li fil-4.52pm huma rċevew telefonata li kien hemm xi ħadd li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien fuq dgħajsa  fil-port ta’ Tripli. Din il-persuna spjegat li madwar 65 immigrant abbord irrifjutaw li jinżlu Tripli. Żiedet li huma kienu jafu li jekk se jinżlu Tripli kienu se jispiċċaw il-ħabs. Mal-għaqda mhux governattiva Alarm Phone l-immigrant stqarr li l-Libjani kienu diġà sparaw persuna u tefgħuha l-baħar.

Fil-4.54pm mara li kienet fuq l-istess dgħajsa nstemgħet tgħajjat, ‘Alla tiegħi Alla tiegħi.’ L-għaqda spjegat li setgħu jisimgħu aktar persuni jwerżqu. Sfortunatament dak il-ħin inqatgħet il-linja.

Għall-5.03pm, Alarm Phone rċevew telefonata oħra minn qarib ta’ xi ħadd mill-immigranti li spjega li kien hemm madwar 60 persuna abbord id-dgħajsa li telqet mil-Libja l-Ħamis li għadda.

F’diversi Tweets, l-għaqda Alarm Phone spjegat li hija qed isserraħ fuq it-testimonanzi tan-nies minħabba li fil-Libja l-vjolenza fuq l-immigranti ħafna drabi tinżamm mistura. Żiedet li min-naħa tal-għaqda tittama li l-persuna li ġiet sparata salvat u dawk kollha li mhux jitħallew jaqsmu jinsabu siguri.