Sparaturi f’Maryland; mara toqtol 3 persuni

Mara armata b’arma tan-nar sparat fuq kollegi tagħha ġewwa maħżen tal-mediċini f’Maryland fl-Istati Uniti. Hi qatlet tliet persuni, darbet tlieta oħra, imbagħad neħħiet ħajjitha b’idejha.

Il-każ seħħ wara li s-suspettata, li kienet qed taħdem fil-maħżen temporanjament, daħlet għax-xogħol fid-9am. Skont ix-sheriff, l-investigaturi għadhom ma sabux raġuni għaliex seħħ dan il-każ, madanakollu sors viċin l-invetigazzjoni li tkellem ma’ Reuters qal li hemm ċans li l-attakk seħħ wara diżgwid fuq ix-xogħol.

Aktar tard, il-mara ġiet identifikata bħala Snochia Moseley, ta’ 26 sena u li kienet toqgħod Baltimore. Il-każ huwa wieħed differenti mis-soltu, hekk kif fil-maġġoranza, attakki ta’ dan it-tip fl-Istati Uniti jsiru minn irġiel.

L-isparaturi bdew barra l-maħżen, imbagħad komplew ġewwa. Madanakollu l-investigaturi għadhom qed janalizzaw iż-żona biex jiddeterminaw eżatt kif ġara kollox.