SparaturaFlorida: Iż-żagħżugħ jista’ jeħel il-piena tal-mewt

Esteban Santiago, iż-żagħżugħ ta’ 26 sena akkużat li qatel 5 persuni u weġġa’ 6 oħra meta fetaħ in-nar fl-ajruport ta’ Florida, jekk jinstab ħati jista’ jeħel il-piena tal-mewt. 
Għalkemm l-investigazzjoni għadha fil-bidu, jidher li l-attakk m’għandux x’jaqsam mat-terroriżmu.
L-att ‘kattiv’, kif sejjaħlu l-gvernatur tal-Florida, Rick Scott, jidher li sar minħabba l-problemi mentali tar-raġel. 
Santiago beda jispara fl-ajruport ta’ Fort Lauderdale, fiż-żona fejn jinġabru l-bagalji. Skont ix‑xhieda, beda jimmira direttament f’ras il‑vittmi u spara bil-pistola li tella’ fuq l-ajruplan. 
Fix‑xhur li għaddew mar għall‑kura fi sptar psikjatriku u skont zitu, Maria Luisa Ruz, xahar ilu reġa’ beda bil-problemi, tant li kien qisu tilef rasu u beda jimmaġina l-affarijiet.