Sparatura u serqa: Is-suspettati għadhom ma nqabdux

Wara l-isparatura li seħħet nhar it-Tlieta fin-Naxxar u s-serqa li seħħet il-Ħamis il-Ġimgħa f’Ħal Tarxien, il-Pulizija għadha ma arrestat l-ebda persuna.
Dan ikkonfermah kelliem għall-Pulizija ma' Newsbook.com.mt.
L-isparatura seħħet fit-13 ta' Diċembru fi Triq Burmarrad, fin-Naxxar, wara argument li nqala’ bejn tlett irġiel.
Wieħed minnhom ħareġ arma tan-nar u spara fid-direzzjoni tat-tnejn l-oħra.
Raġel minnhom kien intlaqat u ddaħħa l-isptar bi ġrieħi ħfief.
Is-suspettat kien ħarab minn fuq il-post b’karozza.
Intant, għadhom ma nqabdux żewġt irġiel oħra li nhar il-Ġimgħa li għadda wettqu serqa f’nofsinhar minn banka tal-lottu fi Triq Raħal Ġdid f’Ħal Tarxien.
Dawn iż-żewġt irġiel kienu mgħammda u armati u ħarbu minn fuq il-post b’ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Dak il-ħin, fil-banka, kien hemm impjegata u anzjana iżda ħadd minnhom ma weġġa’.
Kull min għandu xi informazzjoni dwar iż-żewġ każijiet jista’ jgħaddieha lill-Pulizija anke b’mod kunfidenzjali.