Sparatura quddiem knisja f’Veracruz fil-Messiku

Il-knejjes fil-Messika spiċċaaq fil-mira ta' bosta attakki vjolenti

Żewġ żgħażagħ inqatlu f’attakk vjolenti li seħħ ftit jiem ilu qabel bdiet quddiesa biex ikun ċelebrat għeluq snin tifla ta’ 16-il sena, fil-Knisja tal-Madonna ta’ Guadalupe, f’Cordoba, il-Messiku.

Il-Konferenza Episkopali tal-Messiku, fi stqarrija rappurtata mill-aġenzija FIDES qalet li  “B’dieqa kbira nesprimu d-dwejjaq tagħna għall-atti ta’ vjolenza li seħħew quddiem il-Knisja tal-Madonna ta’ Guadalupe u nesprimu s-solidarjetà sħiħa tagħna ma’ Mons Eduardo Patino, Isqof tad-djoċesi ta’ Cordoba, il-Kappillan Jorge Montero u b’mod speċjali mal-familji tal-vittmi ta’ dan l-att intollerabbli”.

Tradizzjoni antika 

Skont tradizzjoni antika, fil-pajjiżi tal-Amerika Latina, meta tifla tagħlaq 15-il sena isir festin kbir li jġib flimkien lill-membri kollha tal-familja flimkien mal-qraba, il-ħbieb u l-ġirien. Dan il-festin jibda b’quddiesa biex jirringrazzjaw lil Alla għad-don tal-ħajja.

Il-Ħadd li għadda filgħaxija, grupp ta’ rġiel waslu fuq iz-zuntier tal-knisja biex jaħtfu persuna iżda meta raw ir-reazjoni tan-nies miġbura li kienu deħlin il-knisja bdew jisparaw bl-addoċċ u qatlu żewġ persuni u ferew serjament żewġ persuni oħra.

L-għada ta’ dan l-inċident erba’ persuni oħra nqatlu fil-muniċipalità ta’ Minatitlan f’Veracruz ukoll.

Vjolenza kbira

F’dawn l-inħawi tal-pajjiż bħalissa hemm vjolenza kbira. Ġimgħa ilu, f’Vega de Alatorre, din il-belt ukoll f’Veracruz, erba’ bejjiegħa tal-frott inqatlu u l-pulizija qed ifittxu lil dawk responsabbli fi sforz biex iwaqqfu l-mewġa ta’ vjolenza li f’jumejn ħasdet il-ħajja ta’ sitt persuni.

Fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet Messikani qalu li “l-vjolenza li qed nesperjenzaw fi bliet u komunitajiet f’diversi nħawi tal-pajjiż qed tkisser il-fibra soċjali li qed tgħarraq l-armonija u l-paċi fis-soċjetà tagħna. Għalhekk nappellaw lis-soċjetà biex tirkupra mill-ġdid is-sens tal-qdusija tal-ħajja u l-valuri essenzjali għall-bniedem.

“Nitolbu lill-awtoritajiet biex jinvestigaw bir-reqqa biex jikkjarafikaw il-fatti kif ġraw u jaġixxu skont is-sewwa u l-ġustizzja”, ttemm tgħid  l-Istqarrija tal-Konferenza Episkopali.