Aġġornata: Tmut il-pulizija mara fi sparatura oħra fi Franza dalgħodu

Mietet il-pulizija mara li sfat feruta flimkien mal-kollega tagħha raġel fi sparatura oħra li seħħet dalgħodu f'subborg ieħor ta' Pariġi.
Il-qattiel hu raġel ta' 52 sena, ta' oriġini Afrikana.
Il-pulizija raġel jinsab imweġġa' gravi.
Din l-isparatura żiedet il-livell ta’ allarm fi Franza għalkemm il-ħati nqabad mill-ewwel.
Jirriżulta li m’għandux x’jaqsam maż-żewġ aħwa mfittxija mill-Pulizija wara l-massakru tal-bieraħ fl-uffiċċji tar-riviżta Charlie Hebdo.
Jidher li l-każ seħħ wara inċident bejn xi karozzi. Ir-raġel ħareġ mill-vettura tiegħu, liebes ġakketta bullet-proof, u beda jispara. Kien hawn li fera liż-żewġ pulizija. 
Sadattant, ftit tal-ħin ilu, splodiet bomba qrib moskea f'Lyon iżda ma jirriżultax li hemm vittmi.