Sparatura Ħ’Attard: Imut it-tieni vittma

Miet Raymond Grima li skont il-Pulizija kien fil-mira tad-delitt li kien seħħ f’Ħ’Attard f’Novembru li għadda.
Il-każ kien seħħ fis-17 ta’ Novembru  fi Triq l-Imdina għall-ħabta tas-6.15pm. Kelliem għall-Pulizija qal ma' Newsbook.com.mt li t-taqsima tal-midja tal-Pulizija ġiet infurmata bil-mewt ta' Grima ftit qabel is-6:00pm. 
Raymond Grima u Anġlu Mangion it-tnejn kienu ntlaqtu minn tiri. Mangion kien ġie iċċertifikat mejjet fuq il-post.          
Grima li kien instab midrub b’feriti gravi kien qed jissielet għall-ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.
Il-vittma, Anġlu Mangion ta’ 58 sena minn Ħal Qormi, kien dieħel f’ħanut f’Ħ’Attard, immexxi minn Raymond Grima u ibnu, meta persuna mhux magħrufa liebsa helmet daħlet fil-ħanut u sparat xi tiri fid-direzzjoni ta’ Mangion. B’kollox ġew sparati madwar 10 tiri.