Sparatura fi knisja fejn inġabru n-nies wara li nqatlu 6 persuni fi protesta

Kattoliċi miġbura fi knisja jibku t-telfa ta' sitt persuni li nqatlu fil-protesti

Uffiċjali governattivi konfermaw li sitt persuni nqatlu mill-forzi tas-sigurtà fil-Bolivia meta kienu qed jippruvaw ineħħu imblokk minn quddiem pompa tal-petrol minn persuni li kienu qed jipprotestaw kontra l-Gvern.

Din l-aħbar ħarġet l-għada li seħħ l-inċident f’jum ta’ vjolenza kbir fil-belt ta’ El Alto, qrib il-kapitali, La Paz.

Nies li nġabru fi knisja biex  ifakkru u jitolbu għall-persuni maqtula qalu li forzi tas-sigurtà sparaw  fuqhom waqt li kienu qed jinġabru fil-knisja.

Sadattant suldati u pulizija dehru jeskortaw trakkijiet iġorru l-petrol wara li f’diversi bliet tal-pajjiż bdew jinħassu n-nuqqas ta’ ikel u petrol.

Xi dimostranti ppruvaw jisplodu t-trakkijiet tal-petrol billi waddbu lejhom xi splussivi. Il-Ministru tal-Intern, Fernando Lopez qal li dan seta joħloq “traġedja kbira”.

Is-sitwazzjoni fil-Bolivia marret għall-agħar wara lifl-20 ta’ Ottubru saret votazzjoni li skont osservaturi internazzjonali kien fiha ħafna irregolaritajiet. L-ex President tal-pajjiż, Evo Morales, irriżenja fl-10 ta’ Novembru wara protesti li saru kontrih u pressjoni mill-frozi tas-sigurtà, iżda s-sostenituri tiegħu qed jopponu lill-Gvern provisorju li hemm bħalissa.

Jeanine Áñez, li pproklamat lilha nnifisha bħala President tal-pajjiż, qalet li qed tippjana li ssejjaħ elezzjonijiet ġodda wara li f’dan l-aħħar xahar inqatlu madwar 30 peruna f’inċidenti ta’ vjolenza politika. “Arridu li l-vjolenza tieqaf”, qalet Anez.

Nhar l-Erbgħa li għadda, l-ex President Morales li bħalissa qed jgħix fl-eżilju barra l-pajjiż qal li jrid jirritorna fil-Bolivia biex jgħin fid-djalogu u l-isofrzi li qed isiru biex jerġa’ jkun hemm il-paċi, jekk jitħalla jagħmel dan.

F’konferenza tal-aħbarijiet qal li hu kien “il-President elett” fl-elezzjoni tal-20 ta’ Ottubru. Dan minkejja l-allegazzjonijiet ta’ frodi f’dik l-elezzjoni. Qal ukoll li jaċċetta li jsiru elezzjonijiet ġodda u kkritika l-Organiżazzjoni tal-Istati Amerikani li l-investigaturi tagħha qalu li l-elezzjonijiet tax-xahar li għadda kienu mbagħbsa.

 Min-naħa tagħha Jeanine Áñez qalet li Morales, l-ewwel President tal-pajjiż li twieled fih, jista’ jkun proċessat dwar frodi, jekk jirritorna fil-pajjiż.

Arturo Murillo, uffiċjal fil-Gvern proviżorju tal-pajjiż qal li Morales hu ħati ta’ sedizzjoni għax qed jinkoraġixxi lis-sostenituri tiegħu biex jimblukkaw it-toroq bi sfida għall-awtoritajiet tal-pajjiż.