Sparatura f’Bormla: L-akkużat jgħid li għandu vista batuta; jinżamm arrestat

CMRU

Raġel ta’ 55 sena nżamm arrest wara li wieġeb mhux ħati li l-Erbgħa li għadda spara tir f’Bormla. Ir-raġel kellu bżonn l-għajnuna biex jidħol fl-awla minħabba li l-vista ta’ għajnejh hija batuta u għandu problemi ta’ saħħa fiżika oħrajn.

Fil-Qorti r-raġel qal li huwa ma jaħdimx minħabba n-nuqqas ta’ vista. Huwa wieġeb mhux ħati li spara tir, li kellu fll-pussess tiegħu arma tan-nar waqt il-ħin tal-inċident, li spara tir f’żona abitanti, li kiser il-paċi pubblika, li uża kliem oxxen fil-pubbliku, hedded u insulta lill-vittmi kif ukoll li huwa reċediv.

Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija bejn it-8pm u d-9pm fi Triq id-Dejqa. F’dan il-każ kienu involuti l-akkużat u żewġt irġiel barranin. It-tliet persuni kellhom argument jaħraq bejniethom u wara li s-sitwazzjoni eskalat ġie sparat tir. Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ.