Sparati tiri fuq immigranti li kienu qed jiġu salvati mill-Alan Kurdi

Read in English.

Filwaqt li l-ekwipaġġ tal-Alan Kurdi kien qed isalva grupp ta’ 68 immigrant mill-għarqa ‘l barra mill-Kosta Libjana, grupp ta’ militant Libjani għaddew bi speedboat u bdew jisparaw tiri.

L-għaqda Sea-Eye qalet dan permezz ta’ stqarrija ppubblikata fuq is-sit tagħha. Il-ħidma ta’ salvataġġ kienet qed issir dalgħodu wara li l-NGO Alarm Phone talbet l-għajnuna tal-għaqda. L-Alan Kurdi wasal fuq il-post madwar siegħa wara li rċieva r-rapport u hemm sab dgħajsa tal-injam bi 68 persuna fuqha. Ħadd minnhom ma kellhom ġakketta tas-salvataġġ.

Waqt li l-Alan Kurdi ħareġ l-ewwel dgħajsa ta’ salvataġġ, speedboat bil-bandiera Libjana qorbot lejhom b’veloċità qawwija. L-għaqda qalet li ġew sparati tiri u manuvri riskjużi li wasslu għal sitwazzjoni li pperikolat aktar il-ħajjiet. Madwar nofs il-persuni li kienu abbord id-dgħajsa qabżu l-baħar u bdew jippruvaw jilħqu d-dgħajsa tal-Alan Kurdi.

Ġie spjegat li l-ekwipaġġ mill-ewwel xeħet ġkieket tas-salvataġġ sabiex dawk li kienu qabżu l-baħar ma jgħerqux.

Il-kaptan informa lill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar it-theddida Libjana. Jidher iżda li wara ftit ħin is-sitwazzjoni kkalmat u l-ekipaġġ tħalla jagħmel il-ħidma ta’ salvataġġ. Wara li l-immigranti tneħħew minn fuq id-dgħajsa, il-Libjani ħadu d-dgħajsa tal-injam li kienu fuqha u telqu minn fuq il-post.

Ġie spjegat li ħafna minnhom għandhom bżonn kura medika urġenti. Spjegaw li fil-maġġoranza dawk salvati ġejjin mill-Bangladesh, mis-Sirja, Chad u s-Sudan. 20 minnhom huma minuri.

Intant l-Alan Kurdi ġiet notifikata b’każ ieħor ta’ emerġenza li tinsab fi triqitha għalih.