Sparati tiri fuq għasafar tal-passa

Il-Birdlife qalet li fl-aħħar jumejn diġà kien hemm sparar illegali fuq għasafar li jpassu fil-ħarifa.

Skont il-Birdlife, l-isparar sar f’erba’ lokalitajiet differenti madwar Malta.

Ilbieraħ xi ħadd irraporta li fil-Ponta taż-Żonqor f’Wied il-Għajn kien hemm kaċċatur li spara tliet darbiet fuq bagħdan tax-xemx, ġabru u baqa’ sejjer 'l hemm bih.  Jidher li din kienet l-ewwel darba f’dan l-istaġun li ntlemaħ dan l-għasfur. 

F’Wied il-Għajn ukoll, jirriżulta li dalgħodu kien hemm grupp ta’ irsieset u għaldarb’oħra kien hemm min spara fuqhom. Aktar tard, Birdlife rċiviet rapport li fil-Qawra kien hemm grupp ieħor ta’ irsieset u xi ħadd spara fuqhom ukoll.

Waranofsinhar, Birdlife kellha tmur għand il-veterinarju bi Kwakk wara li xi ħadd sparalu fil-ġwejnħa x-xellugija. Il-ferita kienet tant gravi, li l-għasfur kellu jitraqqad.

Kelliem għal Birdlife Malta Nicholas Barbara qal li l-isparar kmieni fuq għasafar tal-passa juri biċ-ċar kemm hawn bżonn ta’ aktar kontrolli fuq il-kaċċa illegali.

Bil-Liġi, l-istaġun tal-kaċċa għall-għasafar fuq il-baħar ser ikun permess mill-1  ta’ Ottubru 2013 sal-31 ta’ Jannar 2014 u l-istaġun tal-kaċċa tal-għasafar fuq l-art ser ikun permess mill-1 ta’ Settembru 2013 sal-31 ta’ Jannar 2014.

Skont l-Avviż legali ppublikat mill-Gvern, il-kaċċa fil-ħarifa se tkun permessa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx u sagħtejn wara nżul ix-xemx fi kwalunkwe ġurnata, mit-Tnejn sas-Sibt u bejn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx  u s-siegħa ta’ wara nofsinhar fil-Ħdud u btajjel pubbliċi.