Sparati tiri bejn il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel

REUTERS/Denis Balibouse

Suldati mill-Korea ta’ Fuq u t’Isfel sparaw lejn in-naħat opposti fiż-żona Demilitarised (DMZ) li tifred liż-żewġ pajjiżi.

Skont il-BBC, l-armata ta’ Seoul qalet li tiri mit-Tramuntana laqtu għassa tas-suldati fil-belt ta’ Cheorwon li tinsab fuq il-fruntiera. Qalet li sparat tiri lura u ħarġet avviż ta’ twissija.

Inċidenti bħal dawn fuq il-fruntiera l-aktar mgħassa fid-dinja huma rari.

Is-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Mike Pompeo qal lill-midja Amerikana li t-tiri mill-Korea ta’ Fuq dehru li kienu “aċċidentali.”

Intant il-midja fil-Korea t’Isfel ikkwotat uffiċjal tal-Gvern li qal li t-tiri aktarx ma ġewx sparati apposta. S’issa ma kienx hemm rapporti ta’ nies li weġġgħu.