Qtil Ħal Għaxaq: Il-Qorti tordna eżami tas-saħħa mentali tal-akkużat

Miguela Xuereb

Il-missier anzjan ta’ 68 sena, li qed ikun mixli bil-qtil ta’ ibnu Antoine Dalli fid-Dar tiegħu f’Ħal Għaxaq, qal lill-Pulizija li “din kienet ilha ġejja”.

Fil-kumpilazzjoni tal-akkużat quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia, l-Ispettur Keith Arnaud qal li l-imputat qalilhom li r-relazzjoni ma’ ibnu kienet ilha sejra mill-ħażin għall-agħar sa minn Ġunju li għadda tant li allega li ibnu kien heddu li se joqtlu.

Il-Qorti semgħet kif il-missier qal li dakinhar tad-delitt ibnu Antoine mar quddiem id-dar tiegħu fi Triq il-Gudja f’Ħal Għaxaq u beda jgħajjat u joffendih mit-triq.

Il-missier allega mal-Pulizija li ftit wara ibnu sgassa l-bieb ta’ barra u daħal għalih fil-kamra tas-sodda. Huwa qal li ħdejn is-sodda kien iżomm senter f’każ li jkollu bżonn jiddefendi ruħu u qal li qatt ma kien użah qabel. Huwa qal li kif ibnu daħal fil-kamra tas-sodda mbuttah u prova jħebb għalih. F’dan il-mument il-missier qal li qabad is-senter u spara tir.

L-Ispettur Arnaud qal li fil-kamra tas-sodda l-Pulizija ma sabet l-ebda traċċi ta’ demm u li t-traċċi tad-demm instabu biss fl-art fid-daħla tal-kamra tas-sodda u fil-kuritur li jagħti għall-kamra tal-banju li fiha Antoine Dalli nstab mejjet fix-shower tray b’ferita f’żaqqu. Il-vit tas-sink, li nstab bl-ilma miftuħ mill-Pulizija, nstab kollu dmija wkoll. L-Ispettur Arnaud qal li meta ġew elevati l-filmati tas-CCTV il-Pulizija rat li Antoine Dalli daħal fid-dar fl-10.51am u missieru ħareġ fil-11am u mar għand wieħed mill-ġirien biex iċempel lill-Pulizija u jgħidilhom li qatel lil ibnu.

L-Ispettur Arnaud qal li meta l-Pulizija tkellmet mas-sieħba ta’ iben l-imputat u li hi omm ta’ żewġt itfal ta’ 3 u 4 snin, hija rrakkontat kif tul l-aħħar xahrejn il-missier u l-iben kellhom diversi diżgwidi li eskalaw. Hija qalet li kienet ilha taf lil Antoine Dalli għal dawn l-aħħar sitt snin u li kienu jgħixu fid-dar ta’ missieru minn meta dan kien mar joqgħod iż-Żurrieq wara l-mewt ta’ martu. Hija qalet fl-1 ta’ Awwissu missier il-vittma keċċihom minn dik id-dar u flimkien ma’ ibnu u ż-żewġt itfal marret toqgħod f’razzett taz-zijiet tiegħu f’Ħal Għaxaq.

Fl-istħarriġ tagħha l-Pulizija sabet rekords ta’ rapporti ta’ xi inċidenti li l-akkużat qal li seħħew, fosthom wieħed nhar is-6 ta’ Lulju 2020 fejn kien sar rapport fl-Għassa taż-Żejtun meta l-akkużat talab lill-Pulizija tintervjeni għax ibnu kien reġa’ beda l-vizzju tad-droga u ma kienx qed ikun ma’ kumpanija tajba.

Il-missier kien allega wkoll li ibnu kien tah daqqa ta’ ponn quddiem id-dar tiegħu, filwaqt li Antoine Dalli kien allega li missieru ħebb għalih u spiċċaw ġew fl-idejn. Dakinhar l-uffiċjali tal-Victim Support Group kienu intervjenew wara li sabu li l-missier kien indarab ħafif, bil-Pulizija toħroġ akkużi fil-konfront ta’ Antoine Dalli biex jinstemgħu fil-Qorti.

Fil-Qorti l-Ispettur Arnaud xehed ukoll li fl-1 ta’ Awwissu li għadda s-sieħba ta’ Antoine Dalli kienet talbet il-protezzjoni tal-Pulizija biex tidħol id-dar tal-akkużat tiġbor xi affarijiet personali li kienu ħallew warajhom. Huwa qal ukoll li lejliet id-delitt l-akkużat kien għamel rapport ieħor fejn qal li ibnu kien ħebb għalih u akkużah li l-aġenzija Appoġġ se teħodlu lil uliedu minħabba fih. L-Ispettur temm jgħid li dakinhar tad-delitt ħu Antoine Dalli kien għamel rapport għax qal dan kien heddu.

L-Ispettur Fabien Fleri u s-Surġent Stephen Gulia xhedu li kif waslu fid-dar f’Ħal Għaxaq fejn kien sar id-delitt, l-akkużat qalilhom “sparajtlu”.

Id-difiża talbet sabiex il-Qorti taħtar psikjatra biex jeżamina l-klijent tagħha li qalet kien pazjent fl-Isptar Monte Carmeli. Il-Maġistrat Farrugia ħatret lil Dr George Debono biex jagħmel dan u jistabilixxi jekk Dalli jistax jaffaċċja ġuri u kif kien l-istat mentali tiegħu fis-7 ta’ Awwissu 2020 meta seħħ id-delitt.