Iċċara x’għamilt eżattament – Rajoy lil Puigdemont

Il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy fi stqarrija tal-aħbarijiet wara laqgħa tal-kabinett Spanjol qal li talab lill-mexxej tal-Katalonja, Carles Puigdemont, biex jikkonferma jekk iddikjarax jew le l-indipendenza għar-reġjun.
Rajoy qal li huwa neċessarju li Puigement jiċċara x’ġara lbieraħ fl-assemblea tal-Katalunja qabel mal-Gvern Spanjol jieħu miżuri oħra.
Ilbieraħ Puigdemont u mexxejja oħra mill-Katalunja ffirmaw id-dikjarazzjoni tal-indipendenza iżda qalu li mhux se jimplimentawha biex ikunu jistgħu jsiru negozjati.
Rajoy akkuża lil Puigdemont  li qed joħloq il-konfużjoni apposta, waqt li hu jrid joħloq iċ-ċertezza.
Il-Prim Ministru Spanjol qal li l-Gvern tiegħu se jibbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq it-tweġiba li se jingħata minn Puigdemont.
Fil-ġranet li għaddew Rajoy qal li kien lest li jinvoka l-Artiklu 155 tal-Kostituzzjoni Spanjola li jista’ jawtorizzah li jneħħi l-awtonomija tal-Katalunja u jimponi tmexxija diretta minn Madrid.
Osservaturi politiċi qalu li t-ton u l-kontenut ta’ dak li qal Rajoy illum huwa ħafna aktar kalm u konċiljattiv mit-ton u l-kontenut tal-istqarrijiet tiegħu ta’ dan l-aħħar.
Fil-fatt wara d-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Gvern tal-Katalunja, il-Gvern Spanjol qal li m’aċċettax l-istqarrija tal-indipendenza tal-Katalunja ffirmata mill-president tagħha, Charles Puigdemont, u xejjen għal kollox il-possibiltà li jkun hemm xi taħditiet bejn iż-żewġ partijiet, meta sejjaħ lil Puigdemont “bniedem li ma jafx fejn jinsab jew ’il fejn sejjer”.