Spanja toffri port ta’ sigurtà għal Open Arms; “M’hemmx ftehim mal-Italja”

FILE PHOTO: Spanish migrant rescue ship Open Arms lies anchored close to the Italian shore in Lampedusa, Italy August 17, 2019. REUTERS/Guglielmo Mangiapane

Read in English.

Il-Gvern Spanjol qal li mhux vera li kien hemm qbil mal-Italja li l-107 immigranti li bħalissa jinsabu abbord il-bastiment Open Arms jitniżżlu fil-port Spanjol f’Mallorka. Intant qalu li lesti li jirċievu lill-immigranti hemm.

Aqra: Filmat: Open Arms jiċħdu l-offerta tal-Ispanjoli biex jieħdu l-immigranti

Il-bastiment Spanjol Open Arms qal aktar kmieni li ż-żewġ pajjiżi kienu waslu għal ftehim sabiex il-bastiment jiżbarka f’Mallorka, li jfisser vjaġġ ta’ tliet ijiem għall-bastiment u l-immigranti ta’ fuqu.

Aqra: 27 minuri jitħallew jiżbarkaw minn fuq il-bastiment Open Arms

Fi stqarrija, il-Gvern Spanjol qal li l-ftehim li ġie rrapurtat aktar kmieni ma jeżistix. Qal li l-unika informazzjoni korretta hija li l-Gvern Spanjol offra li l-Open Arms isalpa lejn l-eqreb port Spanjol. Qal ukoll li l-Gvern Taljan qed jikser il-liġi billi ma jħallix lill-immigranti jiddaħlu f’Lampedusa.

L-immigranti ilhom bejn sema u ilma għal aktar minn ġimgħatejn, fejn issa ilhom jiem sħaħ ‘il barra mill-kosta Taljana waqt li l-Ministru għall-Intern Matteo Salvini baqa’ jippersisti kontra l-immigrazzjoni u l-Unjoni Ewropea damet ma bdiet il-ħidma biex tinstab soluzzjoni.

Aqra: L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika

Open Arms spjegat li l-vjaġġ lejn Mallorka se jżid aktar stress fuq sitwazzjoni li diġà hija stressanti ħafna.

Aqra: Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra