Spanja b’aktar minn 23,000 każ ġdid ta’ COVID-19 mill-Ġimgħa

REUTERS/Enrique Calvo

Read in English.

Spanja rreġistrat aktar minn 23,000 każ ġdid ta’ COVID-19 sa min-nhar il-Ġimgħa. Dan ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Kap tas-Saħħa Pubblika Fernando Simon. Minkejja dawn in-numri, huwa sostna li r-rata ta’ infezzjoni niżlet ftit mill-massimu li kien intlaħaq fil-21 ta’ Awwissu.

Dan wassal biex it-total ta’ każijiet fil-pajjiż issa laħħaq l-462,858.

“Naturalment ninsabu inkwetati għaliex irridu nistabilizzaw is-sitwazzjoni u nbaxxu r-rata tal-infezzjoni,” sostna l-Ministru tas-Saħħa Salvador Illa, f’kummenti lill-istazzjon Katalan 324 tard it-Tnejn filgħaxija. Huwa żied jgħid li l-prijorità tibqa’ li titnaqqas il-pressjoni minn fuq l-isptarijiet.

Illa qal li s-sitwazzjoni ma tistax titqabbel ma’ dik f’Marzu u April u fakkar li l-kapaċità tal-isptarijiet issa ssaħħet. Filwaqt li huwa insista li xejn ma jista’ jiġi eskluż, qal li kien ferm improbabbli li Spanja jkollha terġa’ tagħlaq l-iskejjel jew terġa’ timponi stat ta’ emerġenza biex tiġġieled il-virus.

Fil-21 ta’ Awwissu, l-infezzjonijiet kienu laħħqu l-10,000 kuljum, l-ogħla livell sa mill-aħħar ta’ Marzu. Il-ġimgħa li għaddiet dawn niżlu minn 9,000 għal 8,000 kull ġurnata, skont tagħrif mill-Ministeru tas-Saħħa.

Simon fittex li jserraħ moħħ il-pubbliku dwar ir-riskju ta’ infezzjonijiet fl-iskejjel fejn qal li “jekk jittieħdu l-miżuri xierqa ta’ sigurtà, il-probabbiltà ta’ trażmissjoni hi negliġibbli”.