Spanja timmira li terġa’ tiftaħ il-fruntieri f’Ġunju

Read in English.

Spanja, pajjiż dipendenti fuq it-turiżmu, qed jippjana li jerġa’ jiftaħ il-fruntieri lejn it-tmien ta’ Ġunju meta l-lockdown attwali minħabba l-coronavirus jiġi fi tmiemu, skont stqarrija ta’ Ministru nhar it-Tnejn, hekk kif l-għadd ta’ mwiet naqas għal anqas minn 100 persuna għat-tieni jum konsekuttiv. 

Il-ġimgħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ Madrid li tiġi imposta kwarantina ta’ ġimgħatejn fuq kull vjaġġatur minn barra l-pajjiż u li l-fruntieri effettivament jinżammu magħluqa sabiex tiġi evitata mewġa oħra ta’ COVID-19, issorprendit lill-imsieħba tal-Unjoni Ewropea.

Imma din il-mossa kienet temporanja, u l-Ministru għat-Trasport Jose Luis Abalos qal li din se titnaqqas matul iż-żmien b’mod parallel mal-ftuħ tal-ivjaġġar ġewwa Spanja.

“Ma nistgħux nippermettu li l-barranin jivvjaġġaw filwaqt li l-poplu Spanjol jibqa’ magħluq ġewwa,” qal lis-servizz tax-xandir TVE. “Qed nisperaw li nerġgħu nibdew l-attività tat-turiżmu lejn l-aħħar ta’ Ġunju … Irridu nkunu ċerti li Spanja tkun pajjiż attraenti mill-punt tas-saħħa.”

It-turiżmu jammonta għal aktar minn 12% tar-rendiment ekonomiku Spanjol. Anke bil-ftuħ tal-fruntieri lejn it-tmiem ta’ Ġunju, id-dħul mill-industrija se jonqos b’bejn 93 u 124 biljun euro (bejn $100 u $134 biljun), skont stimi mill-grupp Exceltur.

Spanja rreġistrat 59 mewta matul il-lejl minħabba l-coronavirus, it-tieni jum meta n-numru kien anqas minn 100 u l-aktar rata baxxa f’dawn l-aħħar xaharejn, skont il-Ministru għas-Saħħa. 

L-għadd ta’ mwiet kumulattiv tela’ għal 27,709, filwaqt li l-għadd ta’ każijiet tela’ għal 231,606 nhar it-Tnejn, minn 231,350 każ il-jum ta’ qabel. 

“Din id-data hija tassew pożittiva meta mqabbla man-numri li rajna s’issa,” qal il-Kap tas-Saħħa f’każ ta’ Emerġenza, Fernando Simon, meta kellem lill-ġurnalisti.

Simon qal li r-rata ta’ mortalità kienet naqset minn madwar 11% matul il-perjodu tal-quċċata tal-pandemija fl-aħħar ġimgħat ta’ Marzu fi Spanja, għal anqas minn 2% għal dawk li żviluppaw sintomi bejn is-27 ta’ April u t-3 ta’ Mejju. 

Bis-saħħa tal-istatistika inkoraġġanti, Spanja qed terħi bil-mod il-miżuri stretti ta’ lockdown li ilhom fis-seħħ minn nofs Marzu, meta n-nies lanqas setgħu joħorġu barra għall-eżerċizzju.

Nhar it-Tnejn, il-Ministeru għas-Saħħa qal li kien se jwessa’ l-użu ta’ maskli tal-wiċċ, li bħalissa huwa obbligatorju biss li jintużaw fuq it-trasport pubbliku. Issa kulħadd irid jilbes maskli fi spazji magħluqa u fil-pubbliku, jekk ma tkunx garantita distanza sikura ta’ żewġ metri. 

Reġgħu bdew jiftħu ukoll ir-ristoranti u l-barijiet – għalkemm il-ħaddiema kienu jafu li mhux se jkollhom ħafna klijenti.

Fil-belt Mediterranja ta’ Valencia, Cristina Gonzalo, li tmexxi ristorant flimkien mal-persunal tagħha, kienu qed iħejju l-bar tagħhom li jinsab fuq xatt il-baħar, kmieni filgħodu. Wejter li kien liebes qmis bajda u maskla pariġġ, kien qed ikejjel b’attenzjoni d-distanza bejn l-imwejjed biex l-istabbiliment jikkonforma mal-miżuri ta’ distanza soċjali imposti.

Gonzalo qalet li ma kinitx ċerta dwar il-ftuħ tal-ħanut, imma kienet kuntenta li reġgħet lura għax-xogħol u li tista’ tgħin lill-istaff, li kienu spiċċaw mingħajr paga minħabba l-programm tal-gvern ta’ sensji temporanji.

“Ma kienux qed jirċievu flus biex ikunu jistgħu jixtru l-bżonnijiet essenzjali tagħhom, u kienu f’sitwazzjoni ddisprata,” qalet.

Imma xhieda li diversi stabbilimenti ma kienx se jirnexxielhom jgħaddu b’suċċess minn dan il-perjodu, Manolo Caceres, partitarju tal-futbol magħruf minħabba l-fatt li daqq tanbur kbir matul 10 partiti meta Spanja lagħbet fil-logħob tat-Tazza tad-Dinja, qal lil Reuters li kien qed jirriskja l-falliment wara li kellu jagħlaq il-bar tiegħu f’Valencia.

“Tlift kollox,” qal Caceres li għandu 71 sena, magħruf bħala “Manolo el del Bombo” (Manolo tat-tanbur).

“Qed nipprova nbigħ it-tanbur li ndoqq matul il-logħob tat-Tazza tad-Dinja, għax m’għandix biżżejjed flus biex nixtri x’niekol,” kompla jgħid, u spjega li l-pensjoni tiegħu ta’ €800 fix-xahar mhix biżżejjed biex ikopri l-ipoteka tiegħu. 

L-epidemija kkawżat stress qawwi fuq is-servizzi tas-saħħa u kellha impatt negattiv fuq l-ekonomija, li se tonqos bejn 9.5 u 12.4% din is-sena, segwita b’irkupru ta’ bejn 6.1 u 8.5% fl-2021, skont il-Gvernatur tal-Bank ta’ Spanja, Pablo Hernandez de Cos.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn