Spanja tieħu immigranta li salvat u 2 mejta; l-Italja tirrifjutahom

Reuters

Proactiva Open Arms se tieħu lill-unika immigranta li salvat, flimkien maż-żewġ katavri tal-immigranti misjuba fil-baħar, fi Spanja, wara nuqqas ta’ qbil mal-Italja fuq x’għandu jsir bihom.

Din l-għaqda ta’ salvataġġ sabet l-iġsma ta’ mara u tifel, flimkien ma’ mara li kienet għadha ħajja f’dgħajsa mġarrfa f’nofs il-Mediterran ilbieraħ.

Il-Proactiva Open Arms waħħlet fil-gwardjan tal-kosta Libjan li abbandunahom u kkritikat lill-Italja talli għalqet il-portijiet tagħha lill-immigranti.

Żiedet illi l-Italja aċċettat li tieħu lill-mara li salvat, imma mhux iż-żewġ iġsma. B’hekk, l-għaqda ta’ karità Spanjola ddeċidiet li tistaqsi lil Spanja jekk id-dgħajsa tistax tittella’ Spanja stess, minkejja li dan kien ifisser vjaġġ itwal.

L-Italja ċaħdet l-allegazzjonijiet li hi rrifjutat id-dgħajsa, u qalet li kienet offriet li d-dgħajsa tal-Proactiva ssalpa fil-port Taljan u tniżżel kemm dawk mejta, u anke l-persuna ħajja. L-Italja, iżda, irrifjutat li tħallihom jinżlu Lampeduża għax ma kellhiex faċiltajiet ta’ taħżin kesħin għall-iġsma hemmhekk.

Min-naħa tagħhom, il-gwardjani tal-kosta Libjan ċaħdu li abbandunaw lil xi ħadd il-baħar it-Tlieta, imma ma spjegawx kif dawn it-3 tħallew fid-dgħajsa mġarrfa.

Ġurnalista Ġermaniża qalet li kienet xhud tal-ħidma ta’ salvataġġ u faħħret il-gwardjani tal-kosta Libjana talli wrew solidarjetà mal-immigranti.

Reuters