Spanja tiddikjara stat ta’ emerġenza

Pixabay

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez ħabbar stat ta’ emerġenza ġdid nhar il-Ħadd, fi sforz biex titwaqqaf il-firxa tal-infezzjonijiet ta’ coronavirus, fejn ġew imposti curfews bil-lejl u, f’ċerti każijiet, ġie pprojbit l-ivjaġġar bejn xi reġjuni.

Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ minn nhar il-Ħadd filgħaxija, u r-reġjuni kollha, ħlief għal Canary Islands, se jkollhom jimponu curfew billejl u n-numru ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu f’ġemgħa huwa limitat għal sitta.

“Qed ngħixu f’sitwazzjoni tassew estrema … din hija l-aktar kriżi ta’ saħħa serja f’dan l-aħħar seklu,” qal meta tkellem matul konferenza stampa wara laqgħa tal-kabinett.

Spanja imponiet wieħed mil-lockdowns l-aktar stretti kmieni fil-pandemija, u mbagħad bdiet tirrilassa l-miżuri matul is-sajf.

Imma bħal bosta pajjiżi oħra Ewropej, il-pajjiż intlaqat mit-tieni mewġa f’dawn l-aħħar ġimgħat, u issa laħaq wieħed mill-ogħla rati ta’ infezzjonijiet fl-Ewropa tal-punent. Il-każijiet totali telgħu għal 1,046,132 nhar il-Ġimgħa, filwaqt li r-rata ta’ mwiet qed toqrob lejn 35,000.

L-istat ta’ emerġenza se jkollu jiġi approvat mill-parlament biex idum aktar minn 15-il ġurnata. Sanchez talab lill-parlament biex japprova l-estensjoni tad-9 ta’ Mejju.