Spanja tgħid li l-agħar għadu ġej

Sonia, 43, baker, poses in a shop during a partial lockdown as part of a 15-day state of emergency to combat the spread of coronavirus disease (COVID-19) in Madrid, Spain, March 21, 2020. REUTERS/Juan Medina

Read in English.

Il-Gvern Spanjol qal li se jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex jiġġieled kontra l-pandemija tal-coronavirus u avża li “l-agħar għadu ġej” wara li Spanja rreġistrat l-1,300 mewt tagħha u bdiet toqrob lejn il-25,000 każi.

Skont ir-Reuters, it-tieni l-agħar imxija fl-Ewropa ma wriet l-ebda sinjali li qed tnaqqas il-qawwa tagħha hekk kif it-total ta’ mwiet żdied bi 300 aktar mill-ġurnata ta’ qabel. Il-units tal-kura intensiva qed jimtlew f’xi sptarijiet.

Il-Prim Ministru Pedro Sanchez qal li l-pajjiż għadu jrid jaffaċċja l-impatt tal-aktar mewġa qawwija u devastanti li se tkun ta’ sfida għall-kapaċitajiet materjali u morali tas-soċjetà.

Sanchez qal li Spanja kienet ilha ma tgħaddi minn sitwazzjoni tant drammatika mill-gwerra ċivili bejn l-1936 u l-1939. Fiha kienu mietu madwar nofs miljun persuna. Sanchez għamel paraguni mal-ekonomija tal-gwerra u qal li l-gvern tiegħu kien qed jaħdem fuq pjanijiet biex Spanja tibda tipproduċi l-affarijiet li kien hemm bżonn biex wieħed jiġġieled kontra l-coronavirus bħall-maskri.