Spanja trid tegħleb ix-xettiċiżmu bil-ftuħ tal-pajjiż għat-turiżmu

FILE REUTERS/Nacho Doce

It-Tnejn li għadda, Spanja ħabbret rata iżjed baxxa ta’ mwiet mill-coronavirus u ħeġġet lill-barranin kollha li jixtiequ jsiefru għall-btala biex f’Lulju jirritornaw lejn Spanja hekk kif il-pajjiż beda jirrilassa wieħed mill-aktar lockdowns kefrin fl-Ewropa. Għaldaqstant is-settur turistiku għadu xettiku dwar kemm dan l-istaġun tas-sajf jista’ jkun salvat.

Kien f’Marzu li għadda meta Spanja, it-tieni l-iżjed pajjiż li jżuruh nies, għalqet il-bibien u x-xtajtiet tagħha sabiex tegħleb il-pandemija COVID-19 u imponiet ġimgħatejn kwarantina fuq il-barranin kollha li jidħlu fil-pajjiż. Iżda dan kollu se jintemm fl-1 ta’ Lulju skont stqarrija li għadu kif ħareġ il-Gvern Spanjol. 

“L-agħar issa għadda,” qalet il-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Arancha Gonzalez Laya fi tweet akkumpanjat minn emojis ta’ bikini, nuċċalijiet tax-xemx u bagalja.

“F’Lulju, Spanja se terġa tibda’ tinfetaħ għat-turisti internazzjonali, se twaqqaf il-kwarantina filwaqt li se nkunu qed niżguraw l-ogħla livelli ta’ sigurtà fuq is-saħħa. Se nkunu qed nistennew bil-ħerqa biex nilqgħukom magħna!”

Il-kwarantina iddaħħlet fil-15 ta’ Mejju mingħajr wisq avviżi tant li nħolqot ftit konfużjoni fost l-industrija tat-turiżmu u ġabet ftit tensjoni ma’ Franza. Bit-tneħħija tal-kwarantina, il-gvern Spanjol qed jittama li jpatti għan-nuqqas ta’ komunikazzjoni u li jkun f’pożizzjoni aktar b’saħħitha sabiex jiġbed lejh turisti barranin dan is-sajf.

Spanja s-soltu tiġbed lejha madwar 80 miljun viżitatur fis-sena, fejn it-turiżmu jsarraf fi 12% tal-prodott gross domestiku u ħafna iżjed impjiegi, għalhekk l-istaġun tas-sajf huwa kruċjali sabiex jittaffa ċ-ċans ta’ riċessjoni.

Il-ministeru għas-saħħa rreveda ‘l isfel iċ-ċifra ta’ mwiet bi kważi 2,000 għal 26,834 wara li daħlet iżjed informazzjoni mir-reġjuni fejn irriżulta li 50 persuna mietu minħabba l-virus matul il-ġimgħa li għaddiet, ċifra ferm iżjed baxxa mill-ġimgħat ta’ qabel. L-ammont kollu ta’ każi kien ukoll rivedut ‘l isfel għal madwar 235,400.

Mit-Tnejn, il-bars u r-ristoranti f’Madrid u Barċellona tħallew jerġgħu jiftħu fl-apert iżda b’nofs il-kapaċità. Minkejja dan ħafna baqgħu magħluqin hekk kif ħafna mis-sidien ma tantx raw valur li jiftħu għal ftit nies filwaqt li dawk li fetħu, xorta baqgħu pessimisti.

“Is-sitwazzjoni hija xi ftit ikkumplikata u diffiċli nsalvaw l-istaġun turistiku jekk ma jiġux biżżejjed turisti,” qal Alfonso Gomez, sid ta’ ristorant f’Barċellona.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn