Spanja ssellem lill-vittmi tal-coronavirus

Juanjo Martin/Pool via REUTERS

Read in English.

Dinjitarji Spanjoli u barranin, ilkoll libsin maskli tal-wiċċ suwed, taw tislima lill-vittmi kollha tal-pandemija tal-coronavirus u lill-ħaddiema tas-saħħa li taw sehemhom biex jiġġielduha fi Spanja, matul ċerimonja mmexxija mir-Re Felipe VI nhar il-Ħamis.

Bosta mill-400 persuna li kienu mistednin barra l-Palazz Irjali ta’ Madrid, inkluż qraba ta’ xi wħud mit-28,000 vittma ta’ dan il-virus f’wieħed mill-pajjiżi li ntlaqtu l-agħar fl-Ewropa, poġġew ward abjad fuq pedestall iswed madwar kontenitur mimli b’faħam jaqbad.

Ir-Re qal lill-qraba tal-vittmi: “M’intomx waħedkom fin-niket tagħkom, aħna naqsmu dan l-uġigħ magħkom, dan huwa n-niket tagħna li llum qed jidher quddiem il-poplu Spanjol kollu.” 

Huwa kompla li bosta mill-persuni li mietu kienu persuni anzjani “li ħajjithom biddlet l-istorja tal-pajjiż tagħna” fil-mixja għad-demokrazija.

Ir-Re faħħar lill-familji kollha li esperjenzaw wieħed mill-aktar lockdowns stretti fl-Ewropa “b’kuraġġ kbir, sagrifiċċju u dixxiplina”, li huwa qal kien fatt fundamentali fil-ġlieda kontra l-pandemija.

“Spanja uriet l-aqwa karattru tagħha. Meta jgħaddu s-snin u nħarsu lura lejn dan il-perjodu, dawn il-ġranet, se niftakru wkoll li konna aħna stess li tajna l-eżempju, għal darb’oħra fl-istorja tagħna, ta’ ċivilizzazzjoni, ta’ maturità, ta’ reżistenza, ta impenn lejn l-oħrajn,” temm jgħid.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-UE u l-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus, ukoll attendiet l-attività li ġiet organizzata fil-Pjazza tal-Armerija tal-palazz.

Il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez faħħar lill-uffiċjali tas-servizz pubbliku li “kienu fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija”.

F’mument rari ta’ unità, minkejja tensjoni frekwenti ma’ Madrid minħabba l-ġlieda għall-indipendenza ta’ Catalonia, il-mexxej separatist tal-gvern reġjonali ta’ Catalonia, Quim Torra, kien preżenti għal din il-funzjoni.

Madankollu l-partit lemini Vox – it-tielet l-akbar forza fil-parlament Spanjol – irrifjuta li jattendi, u sejjaħ l-attività bħala “kampanja ta’ reklamar għall-gvern” fejn qal li “l-istorja reali tal-vittmi qed tiġi moħbija.”