Spanja ssalva 600 immigrant fl-aħħar 24 siegħa

Matul is-sigħat li għaddew, Spanja salvat madwar 600 immigrant mill-Marokk f’dik li l-gwardji tal-kosta sejħulha bħala l-aktar ġurnata impenjattiva għalihom.
L-immigranti salvati waslu fuq 15-il biċċa tal-baħar, fosthom paddleboats tat-tfal u jet ski.
Fosthom, kien hemm 35 tifel u tifla u tarbija ta’ ftit ġimgħat.
Skont in-Nazzjonijiet Magħquda, aktar minn 9,000 immigrant waslu Spanja matul din is-sena. Dan in-numru huwa diġà t-triplu tas-sena li għaddiet.
Apparti minn hekk, madwar 120 persuna għerqu waqt li kienu qed jaqsmu bit-tama ta’ ħajja aħjar.
L-Organizzazzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Magħquda għall-Migrazzjoni (IOM), qalet li hemm ċans li Spanja taqbeż lill-Greċja bħala l-aktar pajjiż li fih waslu immigranti minn fuq il-baħar.