Spanja se tqassam il-vaċċin minn Jannar

Read in English.

Spanja se tniedi programm komprensiv ta’ tilqim kontra l-coronavirus f’Jannar u qed tipprevedi li parti kbira mill-popolazzjoni tkun tlaqqmet fi żmien tliet xhur. Dan ħabbru lbieraħ il-Prim Ministru Pedro Sanchez.

Huwa qal li Spanja u l-Ġermanja kienu l-ewwel pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li għandhom pjan ta’ vaċċinazzjoni li ġie finalizzat. 

“Il-kampanja se tibda f’Jannar u se jkun hemm 13,000 post differenti minn fejn se jingħata l-vaċċin”, żied jgħid Sanchez waqt konferenza tal-aħbarijiet wara s-Summit tal-mexxejja tal-G20.

“Parti kbira mill-popolazzjoni se titlaqqam, bil-garanziji kollha, fl-ewwel kwart tas-sena”. Spanja se timplimenta strateġija nazzjonali waħda, bl-ewwel tilqim jingħata lill-“gruppi ta’ priorità”, spjega Sanchez, li se jippreżenta d-dettalji tal-pjan għada waqt laqgħa tal-Kabinett. Huwa qal li se jkunu reklutati aktar professjonisti.

“Għandna ftit xhur iebsin quddiemna iżda l-pjan huwa mħejji”, qal Sanchez.

Spanja għandha t-tieni l-akbar għadd ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus fl-Ewropa tal-Punent wara Franza, b’madwar 1.5 miljun każ u 46,619 mewt bil-Covid-19.