Spanja qed tikkunsidra limitu ta’ 6 persuni tul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied

European Union 2019

Il-Prim Ministru ta’ Spanja Pedro Sanchez qal nhar l-Erbgħa li l-gvern tiegħu qed jikkunsidra li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied jiġu llimitati għal 6 persuni fi sforz biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronavirus.

“Dan mhux numru li qbadna u vvintajna minn żniedna,” qal Sanchez matul konferenza tal-aħbarijiet mal-kollega Taljan Giuseppe Conte f’Mallorca.

“Dan huwa numru li l-professjonisti tas-saħħa, ix-xjentisti qalulna li huwa rigoruż u restrittiv biżżejjed biex nipprevjenu żieda oħra fl-għadd ta infezzjonijiet,” żied jgħid.

Il-gvern ċentrali għadu qed jinnegozja l-għadd ta’ restrizzjonijiet li jmiss mal-awtoritajiet nazzjonali, li jfisser li jistgħu jiġu introdotti xi bidliet. 

Wara samit tal-kapijiet reġjonali fil-qasam tas-saħħa, il-Ministru għas-Saħħa Salvador Illa qal li t-taħdidiet kienu sejrin tajjeb, imma li kien għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil. 

“Irridu niżviluppaw sett ta’ rakkomandazzjonijiet li se jiġġeneraw l-akbar konsensus possibbli,” qal lill-ġurnalisti, filwaqt li żied jgħid li kien fiduċjuż li l-ġimgħa d-dieħla jintlaħaq qbil.

Ċerti kapijiet reġjonali tas-saħħa, inkluż fir-reġjuni ta’ Catalonia u Madrid, qed jitolbu li jiġi implimentat limitu anqas strett ta’ 10 persuni għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied. 

“Kien hemm titjib fit-territorji kollha, imma nappellaw li nibqgħu attenti, speċjalment f’Diċembru,” qal Illa. 

Waqt li r-rata ta’ infezzjonijiet fi Spanja naqset f’dan l-aħħar xahar, l-għadd totali tal-pajjiż issa laħaq ftit aktar minn 1.6 miljun każ, it-tieni l-ogħla rata ta’ infezzjonijiet fil-punent tal-Ewropa wara Franza.

Il-Ministeru għas-Saħħa rreġistra 10,222 każ ġdid nhar l-Erbgħa, u r-rata ta’ mwiet telgħet bi 369 persuna, biex laħqet l-għadd ta’ 44,037, tnaqqis mill-ġurnata ta’ qabel meta l-għadd ta’ mwiet kien ta’ 537, ċifra rekord għat-tieni mewġa tal-pandemija.