Aġġornata: L-Italja tgħid li 6 pajjiżi lesti jieħdu l-immigranti

A still image taken from a video shows migrants on board the Spanish rescue ship Open Arms as it heads towards Italy, August 15, 2019. Open Arms/Handout/REUTERS TV via REUTERS

Read in English.

Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal li sitt Stati Membri Ewropej qablu li se jaqsmu bejniethom il-150 immigrant li bħalissa jinsabu abbord il-bastiment Open Arms li jinsab fl-ibħra territorjali Taljani iżda li ġie projbit milli jirmonka fil-port ta’ Lampedusa.

Open Arms ilu bla port sigur għal dawn l-aħħar 14-il jum b’madwar 150 persuna abbord. Il-bastiment Open Arms dalgħodu għamel il-wasla tiegħu fl-ibħra territorjali Taljani. Intant midja internazzjonali qed jgħidu li l-ekwipaġġ qed jitlob evakwazzjoni medika.

L-immigranti se jkunu qed jinqasmu bejn Franza, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Portugall, Spanja u l-Lussemburgu skont ittra li kiteb Conte lil Salvini. Fl-ittra l-Prim Ministru akkuża lil Salvini li mhux bniedem leali u li hu “ossessjonat” li jagħlaq il-portijiet Taljani lill-immigranti.

Aktar kmieni, Spanja kienet l-ewwel pajjiż li ħabbar li lest li jieħu wħud mill-immigranti li bħalissa jinsabu fuq il-bastiment.

Aqra: L-Open Arms jasal fl-ibħra territorjali Taljani; Tintalab evakwazzjoni medika

Uffiċjali Franċiżi u Ġermaniżi kkonfermaw li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex dan il-każ jiġi riżolt kemm jista’ jkun malajr. Għal darboħra l-Italja tinsab fi ġlieda sħiħa kawża ta’ dan kollu fejn hemm biża’ li kawża ta’ dan, il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Gvern tikkollassa.

Ilbieraħ il-Qorti Taljana ddeċidiet li tħalli l-bastiment jidħol fl-ibħra territorjali Taljani, hekk kif qieset li s-sitwazzjoni hi waħda gravi u urġenti. Il-Qorti sostniet li hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata. Dan wara li l-Qorti rat rapporti mediċi u psikoloġiċi ta’ dawk li huma abbord il-bastiment. Id-digriet ta’ Salvini jista’ jwassal għal multi sa €50,000 lill-kaptan tal-bastiment, lis-sid u lill-operatur jekk dan jidħol fl-ibħra Taljani mingħajr permess.

Aqra: Qorti Taljana tissospendi d-digriet ta’ Salvini; Open Arms jitħalla jidħol fl-ibħra

Il-Gvern Spanjol kien qed jaħdem ma’ Stati Membri Ewropej oħrajn u l-Kummissjoni Ewropea sabiex tinstab soluzzjoni komuni għall-imblokk filwaqt li kkonferma li lest jipparteċipa f’distribuzzjoni bilanċjata tal-immigranti li hemm abbord il-bastiment.

Il-Ministeru għall-Intern fil-Ġermanja u l-istess Ministeru Franċiż ikkonfermaw li huma wkoll kienu qed jitkellmu mal-Kummissjoni Ewropea iżda sostnew li d-diskussjonijiet għadhom mhux finalizzati.

Aqra: 1 mejjet u ieħor fil-periklu tal-mewt; l-AFM ittellagħhom minn dingi

Min-naħa tiegħu, Salvini li jmexxi l-partit tal-Lega Nord li jagħmel parti mill-koalizzjoni fil-Gvern skatta ordni b’emerġenza sabiex Open Arms ma jitħalliex jersaq lejn Lampedusa. Minkejja dan, il-Ministru għad-Difiża fi ħdan il-partit tal-Ħames Stilel li huwa l-partit l-ieħor fil-koalizzjoni li qed tmexxi l-Gvern Taljan, irrifjutat li tiffirma l-ordni. Il-Ministru Elisabetta Trenta qalet li wieħed jikser ordni tal-Qorti hija illegali u li l-politika ma għandhiex titlef l-umanità tagħha.

Aqra: Żewġ nisa u familthom ġew evakwati minn Open Arms lejn Malta