Spanja – L-ewwel pajjiż Ewropew b’500,000 każ ta’ COVID-19

Fernando Alvarado/Pool via REUTERS

Spanja sar l-ewwel pajjiż fil-punent tal-Ewropa il rreġistra 500,000 infezzjoni tal-coronavirus nhar it-Tnejn, wara t-tieni mewġa ta’ żieda fil-każijiet li ħabtet mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel.

Data mill-Ministeru għas-Saħħa turi total ta’ 525,549 każ, meta sa nhar il-Ġimgħa l-għadd kien ta’ 498,989, u 2,440 infezzjoni ġew irreġistrati fl-aħħar 24 siegħa. Spanja taġġorna l-informazzjoni tagħha b’mod retroattiv, u għalhekk dawn l-aħħar ċifri jistgħu jinbidlu.

Infezzjonijiet reċenti kienu aktar komuni fost iż-żgħażagħ, li ħafna drabi ma juru l-ebda sintomu minħabba li s-sistema immunitarja tagħhom hija aktar b’saħħitha, u r-rata ta’ mwiet għadha ħafna anqas mill-għadd ta’ Marzu u April meta l-imwiet regolarment kienu jeċċedu t-800 persuna.

Minkejja li ntlaħaq dan it-tragward mhux mixtieq, tal-anqas issa l-pajjiż huwa mħejji għal dan u għandu biżżejjed sodod lesti għall-pazjenti morda bil-COVID-19.

Wara l-ewwel mewġa li fniet lill-popolazzjoni anzjana ta’ Spanja, u li kkawżat problemi kbar fuq is-sistema tal-isptarijiet, l-awtoritajiet ikkontrollaw it-tifqiegħa permezz ta’ wieħed mill-aktar lockdowns stretti fid-dinja.

Imma hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq iċ-ċaqliq kienu mnaqqsa u beda l-ittestjar tal-massa fit-tmiem ta’ Ġunju, l-infezzjonijiet żdiedu minn ftit mijiet kuljum għal għadd ġdid ta’ 10,000 każ fi żmien ta’ madwar għaxart ijiem, għadd ħafna akbar minn dawk irreġistrati f’pajjiżi oħra bħal Franza, l-Ingilterra u l-Italja.

Ir-rata tal-mortalità globali minn meta bdiet il-pandemija tinsab madwar 6% fi Spanja, anqas mill-Italja, l-Ingilterra u Franza. Spanja rrappurtat tmien imwiet ġodda nhar it-Tnejn, biex b’hekk l-għadd totali laħaq 29,516.

Rafael Bengoa, kofundatur tal-Istitut għas-Saħħa u l-Istrateġija fi Spanja, qal li l-isptarijiet suppost li għandhom biżżejjed riżorsi biex jikkontrollaw l-għadd ta’ mwiet din id-darba, anke jekk l-infezzjonijiet jibqgħu jiżdiedu, imma li problemi fuq tul ta’ żmien jistgħu jippreżentaw piż żejjed fuq is-sistema tal-kura tas-saħħa.

“Diversi persuni se jkunu infettati, u uħud minn dawn il-persuni, għalkemm mhux se jmutu, se jbatu impatt immedjat u qawwi fuq is-saħħa tagħhom, li x’aktarx ikollu effetti fit-tul matul ħajjithom,” qal Bengoa.

Filwaqt li qal li mhux meħtieġ lockdown nazzjonali ġdid, huwa qal li l-għeluq ta’ ċerti partijiet ta’ bliet jista’ jkun fattur utli fil-kontroll tat-trasmissjoni tal-infezzjoni. Ċerti Spanjoli jaħsbu li r-restrizzjonijiet attwali mhumiex biżżejjed.

“Mhumiex qed jimplimentaw miżuri adegwati. In-nies qed jimxu mingħajr maskli, il-gvern qed jerġa’ jiftaħ l-iskejjel, u dan mhux sew, la għat-tfal u lanqas għall-adulti,” skont Lux Marin, ta’ 25 sena u residenti f’Madrid.

L-iskejjel reġgħu fetħu f’sitt reġjuni inkluż il-Pajjiż Basque nhar it-Tnejn, u l-oħrajn se jiftħu mill-ġdid matul l-għaxart ijiem li ġejjin.

“Nitolbu li nerġgħu lura lejn klassijiet sikuri, u aktar riżorsi li jiggarantixxu l-edukazzjoni tal-pubbliku, u li jagħmlu l-iskejjel tagħna post sikur,” qalet Coral Latorre, mexxejja tal-union tal-istudenti, li pparteċipat f’attività organizzata mill-għalliema u l-istudenti f’Madrid nhar is-Sibt.

Filwaqt li uħud mill-kummentaturi jgħidu li l-abbundanza ta’ każijiet ġejja minħabba l-kultura Spanjola fejn ħafna persuni jiltaqgħu f’post wieħed u l-familji jorganizzaw ħafna attivitajiet flimkien, Joan Ramon Villalbi mis-Soċjetà Spanjola għas-Saħħa Pubblika u l-Amministrazzjoni Sanitarja żamm lura milli jwaħħal f’dawn l-istereotipi.

Minn naħa l-oħra, huwa jwaħħal fil-fatt li l-pajjiż ħareġ malajr wisq minn lockdown, fatt li ppermetta li l-persuni jibdew jivvjaġġaw madwar il-pajjiż qabel ma seta’ jibda sew l-intraċċar tal-virus, minħabba regoli tas-saħħa diverġenti fir-reġjuni ta’ Spanja, id-densità għolja tal-popolazzjoni u d-dipendenza fuq ħaddiema li mhumiex imħallsa ħafna.

“Dawn il-ħaddiema vulnerabbli, kemm fl-agrikoltura, fis-servizzi domestiċi jew fir-ristoranti, jistgħu jibqgħu d-dar għal ġimgħa jew tnejn, imma mhux dejjem ikunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan mingħajr ma jitilfu xogħolhom u jispiċċaw mingħajr dħul.”

Mil-lat pożittiv, hu qal li l-miżuri restrittivi f’ċerti reġjuni bħal Aragona jidhru li kkontrollaw iż-żieda fl-għadd ta’ infezzjonijiet fir-reġjun f’dawn l-aħħar ġimgħat.