“Spanja kienet bħal Malta 30 sena ilu”- ġurnalista Spanjola

“Spanja kienet bħal Malta 30 sena ilu, u jeħtieġ li l-Maltin jibqgħu jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u ma jispiċċawx vittmi ta’ korruzjoni.” Stqarret dan magħna gradwata mill-Università ta’ Madrid, li minħabba n-nuqqas ta’ mpjieg fi Spanja kellha taħdem hawn Malta.

Propju f’dawn l-aħħar siegħat il-Pulizija f’Madrid arrestat 45 persuna, inkluż persuni taħt l-età, wara protesti kbar kontra miżuri ta’ awsterità li ttieħdu fil-pajjiż.

Wara ħames snin ta’ studju, Marta gradwat fil-ġurnaliżmu, u peress li ma sabitx xogħol fil-qasam tagħha, ġiet taħdem fis-settur tat-turiżmu f’Malta.

Spjegat li permezz tar-riformi li qed iwettaq il-Prim Ministru Mariano Rajoy, il-ħaddiema jistgħu jitkeċċew minn xogħolhom faċilment jekk il-kumpanija tagħmel inqas qligħ mis-sena ta’ qabel.

Kien għalhekk li Marta intemmilha l-impjieg fl-2011. Wara tfittxija fuq l-internet, sabet impjieg bħala ‘animator’ f’Malta. Iżda minkejja li f’Malta dejjem wiegħduha kuntratt, baqgħat b’xejn wara xahrejn. Wara ftit sabet xogħol ieħor tbigħ il-biljetti lit-turisti f’Malta. Iżda reġgħat bla kuntratt. Kien għalhekk li ddeċidiet li minkejja li kienet għal qalbha f’Malta, ma setax ikollha futur.

Mill-esperjenza tagħha f’Malta, Marta taħseb li l-Gvern għandu jkompli jinvesti fit-turiżmu mingħajr ma jħeġġeġ xogħol prekarju.

Saħqet li bħal ħafna żgħażagħ fi Spanja, qed tistennal li l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy jiddikjara d-dħul kollhu tiegħu u jiġġustifika l-miżuri ħorox kontra l-ħaddiema.
Fi Spanja madwar sitt mijun ruħ m’għandhomx xogħol. Fl-istess waqt, żgħażagħ Spanjoli huma l-iktar kwalifikati, minħabba li qed ikomplu jistudjaw bit-tama li jsibu mpjieg. Minkejja dan, ħafna familji mhux qed ilaħħqu mal-ispejjeż tal-edukazzjoni.

Fuq il-paġna www.change.org aktar minn 1,100,000 persuna Spanjola iffirmat petizzjoni sabiex jirriżenja Mariano Rajoy. Dan wara li gazzetta Spanjola żvelat dettalji dwar ħlasijiet li saru lil membri fil-partit ta’ Rajoy. L-eks teżorier Luis Bárcenas, huwa akkużat li ddepożita $29 miljun f’banek Żvizzeri.