Spanja tiftaħ il-fruntieri hekk kif ma jibqax fi stat ta’ emerġenza

Propju llum, passiġġieri lebsin il-maskri u jġorru l-bagalji, waslu fl-ajruport prinċipali ta’ Madrid hekk kif Spanja reġgħet fetħet il-fruntieri tagħha għall-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropej. Dan wassal fi tmiemu l-istat ta’ emerġenza fil-pajjiż ikkawżat mill-coronavirus.

Il-fruntieri Spanjoli issa nfetħu għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ħlief għall-Portugall. Spanja qed tilqa’ turisti wkoll miż-żona Schengen u l-Ingilterra. Dan hekk kif il-pajjiż għandu bżonn kbir li jagħti s-saħħa lura lit-turiżmu hekk kif dan kien jagħmel mat-12% tal-ekonomija.

It-turisti Ingliżi se jitħallew jidħlu fil-pajjiż mingħajr il-bżonn li joqgħodu kwarantina. Dan minkejja li meta jirritornaw pajjiżhom, se jkunu jridu joqgħodu f’iżolament għal 14-il jum.

Intant, l-Ispanjoli qed jitħallew jivvjaġġaw b’mod ħieles fil-pajjiż mil-lum ukoll. Iċ-ċittadini Spanjoli ilhom ma jitħallew joħorġu mill-provinċji tagħhom mill-14 ta’ Marzu.

Ilbieraħ, il-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez faħħar lill-poplu Spanjol talli kkopera f’wieħed mill-aktar lockdowns stretti fl-Ewropa. Hu iżda wissa li għandhom jibqgħu viġilanti għax hemm ċans li tiġi t-tieni mewġa.

Spanja kellha total ta’ 245,000 każ tal-coronavirus u aktar minn 28,000 persuna tilfu ħajjithom.