Sovereign Charterers tiċħad li d-dgħajjes tagħha ntużaw għal raġunijiet militari

Sovereign Charterers Ltd

Read in English.

Il-kumpanija Sovereign Charterers ċaħdet li d-dgħajjes tagħha ntużaw għal raġunijiet militari.

Fi stqarrija, il-kumpanija Unified Global Services Group f’isem Sovereign Charterers Ltd qalet li f’Ġunju tal-2019 intalbet biex tikri żewġ dgħajjes tagħha lil kumpanija globali b’reputazzjoni għolja li qed taħdem fl-Emirati Għarab Magħquda (UAE) għal 90 ġurnata. Saħqet li d-dgħajjes inkrew mingħajr ekwipaġġ għal skopijiet ta’ evakwazzjoni.

Is-Sibt li għadda ħames Maltin ġew arrestati wara li allegatament bagħtu żewġ opri tal-baħar lejn il-Libja bi ksur ta’ sanzjonijiet.

Il-kumpanija qalet li ż-żewġ dgħajjes telqu minn Malta bil-permessi kollha neċessarji kemm mid-Dwana Maltija kif ukoll mit-taqsima tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni.

“Għalkemm il-ftehim taċ-chartering mal-klijent kien għal 90 ġurnata, is-sitwazzjoni fil-Libja skalat malajr u fi ftit jiem wara li waslu għandu l-klijent iddeiċieda li juża l-opri tal-baħar biex jevakwa lin-nies immedjatament,” qalet il-kumpanija.

Spjegat li mal-wasla tagħhom f’Malta l-21 ħaddiema tħallew jidħlu Malta. Dawn kellhom passaporti Ingliżi, Franċiżi, Amerikani, Awstraljani, u mill-Afrika t’Isfel. Qalet ukoll li tħallew itiru minn Malta lejn il-pajjiżi rispettivi tagħhom. Il-kumpanija qalet li tiċħad li din il-kirja kienet b’xi mod relatata mal-ħasil tal-flus jew ma’ skopijiet militari.

“Inħarsu ‘l quddiem li nnaddfu l-ismijiet tagħhna u tal-kumpanija taħt ġurnament fil-Qorti,” qalet il-kumpanija. Spjegat li dak li qalet fl-istqarrija kienu l-fatti u li kieku l-midja kienet talbitha tagħti kumment kienet tiżvela din l-istess informazzjoni bla problemi.

Fi stqarrija maħruġa s-sibt l-Pulizija qalet li investigazzjonijiet twal u intensivi mill-Iskwadra ta’ Kontra t-Terroriżmu wasslu għall-arrest ta’ numru ta’ Maltin li allegatament kissru is-sanzzjonijiet li hemm imposti fuq il-Libja mill-Unjoni Ewropea (UE).

Il-ħames persuni tressqu l-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiak u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Huma ngħataw l-libertà proviżorja fuq diversi kundizzjonijiet.