Southgate jingħata kuntratt ġdid ta’ 4 snin

Il-kowċ tal-Ingilterra Gareth Southgate jinsab viċin li jiffirma kuntratt ġdid ta’ 4 snin mal-FA Ingliża u mistenni jaqla’ iktar minn £3m fis-sena. Southgate, li għandu 48 sena, wassal lill-Ingilterra sas-semi-finali tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena u jidher li se jmexxi lit-tim żagħżugħ tiegħu f’Euro 2020 u fit-Tazza tad-Dinja tal-2022.

Għall-ewwel Southgate kien inħatar bħala kowċ tal-Ingilterra fuq bażi temporanja wara li Sam Allardyce tkeċċa fl-2016. L-esperjenza tal-Allardyce mat-tim nazzjonali Ingliż damet biss 67 jum wara li t-Telegraph ippubblikat rapporti dwar investigazzjoni fejn l-eks kowċ ta’ West Ham u Bolton Wanderers deher jinnegozja ftehim ta’ £400,000 ma’ kumpanija li riedet tagħmel profitt minn trasferimenti fil-Premier League Ingliz.