Sospiżi t-titjiriet tar-Ryanair lejn Milan, Bergamo u Treviso

Aġġornat 08:20 PM
REUTERS/Clodagh Kilcoyne

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li ġew sospiżi t-titjiriet kollha tar-Ryanair lejn Milan, Bergamo u Treviso.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Farrugia Portelli spjegat li kienet għadha kemm temmet diskussjoni uffiċjali mmexxija mill-Prim Minstru Robert Abela, uffiċjali tal-Malta Air u Ryanair u l-Ministeru għat-Turiżmu.

Farrugia Portelli qalet li t-titjiriet lejn dawn iż-żoni fl-Italja ġew sospiżi b’effett immedjat, inkluż it-titjiriet li kellhom isiru llum. Qalet li dan se jibqa’ fis-seħħ sakemm joħroġ avviż uffiċjali li jgħid mod ieħor.

Għadna kemm temmejna diskussjonijiet uffiċjali mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela, uffiċċjali tal-Malta…

Posted by Julia Farrugia Portelli on Monday, March 9, 2020

Similarment, tard ilbieraħ filgħaxija, l-Air Malta ħabbret li qed tissospendi t-titjiriet tagħha minn u lejn Milan. Din id-deċiżjoni saret fid-dawl tal-firxa tal-Coronavirus fit-tramuntana tal-Italja u l-aħħar digriet li ħareġ il-Gvern Taljan li jimponi lockdown fil-Lombardija u partijiet oħra tal-pajjiż.

Ryanair iħassar aktar titjiriet lejn l-Italja

Fi stqarrija il-kumpanija tal-ajru Ryanair ħabbret li ħassret aktar titjiriet minn pajjiżi differenti lejn u mill-Italja. Dan sar bħala risposta għal-lock-down li ordna l-gvern Taljan fuq it-tramunata tal-pajjiż. It-titjiriet li tħassru issa jinkludu dawk mis-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, Malta u r-Rumanija.

Il-linja tal-ajru ħassret it-titjiriet domestiċi tagħha kollha mil-lum sa nhar it-8 ta’ April, lejn Bergamo, Malpensa, Parma u Treviso. Intant, naqqset it-titjiriet internazzjonali mit-12 ta’ Marzu sat-8 ta’ April minn u lejn Bergamo, Malpensa, Venezja, Parma, Rimini u Treviso. It-titjiriet se jkunu qed jopera il-Ġimgħa, is-Sibt, il-Ħadd u t-Tnejn.