Sospiżi t-titjiriet lejn Malta mis-Sibt

Aġġornat 01:53 PM

Read in English.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa ssospendew t-titjiriet skedati lejn Malta mis-Sibt li ġej. Dan f’avviż li ntbagħat bħala Notice to Airmen (NOTAM) tard it-Tlieta filgħaxija. Il-Gvern għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija iżda l-aħbar ġiet ivverifikata.

Fin-notifika ġie spjegat li d-deċiżjoni ttieħdet mill-awtoritajiet tas-saħħa u se jiġu affettwati t-titjiriet tal-passiġġieri li jkunu telqu wara nofsilejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej. Intqal li din hija sospensjoni temporanja li tibda mis-Sibt 21 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 10 ta’ April.

F’dan il-perdjodu, titjiriet bil-merkanzija, għall-raġunijiet umanitarji jew ta’ ripatrijazzjoni se jitħallew joperaw.

L-avviż jgħid ukoll li l-awtoritajiet Maltin jistgħu f’każijiet speċjali jawtorizzaw titjiriet individwali.

Fi stqarrija maħruġa llum wara l-10.30am, l-Air Malta qalet li qed tissospendi t-titjiriet kummerċjali kollha tagħha.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn