​Sospiżi l-istudenti fil-ġlieda tal-MCAST

L-istudenti tal-MCAST li fil-ġimgħat li għaddew kienu involuti fi ġlied bejniethom ġew sospiżi immedjatament.
Fil-Parlament, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-istudenti se jibqgħu sospiżi sakemm jitilgħu quddiem Bord tad-Dixxiplina fil-jiem li ġejjin, fejn se jiġi stabbilit dak li wassal “għal dan l-aġir inaċċettabbli.”
Il-Ministru saħaq  li aġir bħal dan jista’ jtappan l-isem tal-eluf ta’ studenti tal-MCAST li jistudjaw b’mod responsabbli u rispettuż.
Sostna li l-MCAST għandha l-impenn li l-istudenti kollha tal-MCAST jistudjaw f’ambjent sikur u ta’ rispett reċiproku.
Il-Ministru Bartolo kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista George Pullicino.  
L-editorjal ta' Newsbook.com.mt dwar dan il-każ jisħaq li l-midja għandha responsabbiltà xxandar dawn il-każi u li l-azzjoni li ttieħdet wara li seħħ il-każ tiġġustifika din l-istess responsabbiltà.