Sospiżi l-azzjonijiet industrijali fis-sala tal-maternità

Pexels.com / Rene Asmussen

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar fuq Twitter li wara diskussjonijiet mal-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), l-azzjonijiet industrijali fid-Dipartiment tal-Maternità fl-Isptar Mater Dei ġew sospiżi.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt ukoll mill-President tal-Union Paul Pace, li spjega li r-roster li kien ittieħed mill-qwiebel u li kien ir-raġuni għaliex iddaħħlu d-direttivi ġie mgħoti lura lilhom. Qal li s-sistema li se tiġi adottata issa se tkun aħjar minn dik ta’ qabel hekk kif persuni li jaħdmu bir-reduced hours se jkunu jistgħu anke jgħażlu li jaħdmu 40 siegħa fil-ġimgħa.

Aktar kmieni dalgħodu, Pace spjega ma’ Newsbook.com.mt li numru ta’ direttivi kienu daħlu fis-seħħ hekk kif roster tal-qwiebel li kien ilu jintuża għal tmien snin tneħħa. Spjega li l-qwiebel semmgħu leħinhom sabiex ir-roster jerġa’ jidħol fis-seħħ u tenna li dan reġa’ daħal fis-seħħ iżda għal ftit persuni magħżula. Sostna li għamlu ġimgħat sħaħ jitolbu sabiex kulħadd jiġi trattat bl-istess mod iżda ħassew li għalxejn u b’hekk daħlu d-direttivi.

Wara l-laqgħa li fiha ntlaħaq il-ftehim, Pace sostna li filwaqt li jinsab kuntent li sa fl-aħħar waslu għal ftehim, ma jistax jifhem għaliex biex xi darba tittieħed deċiżjoni favur il-ħaddiem l-union trid bilfors iddaħħal id-direttivi. Spjega li d-diskussjonijiet kien ilhom għaddejja xahrejn, madanakollu d-deċiżjoni ttieħdet ftit ġimgħat wara li daħlu d-direttivi.

“Hija policy tas-sala li l-missirijiet jintbagħtu d-dar billejl”

Kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon, kif ukoll il-President tal-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) Paul Pace, ikkonfermaw li l-missirijiet jintalbu jmorru d-dar fit-8pm wara wild ta’ tarbija hija xi ħaġa normali u hija parti mill-policy tas-sala.

Dan ġie spjegat propju wara li waħda mid-direttivi ordnati mill-MUMN li tgħid li s-sigħat tal-visti tal-irġiel/partners għandhom ikunu restritti bejn l-10am u t-8pm qajmet dibattitu sħiħ online speċjalment qalb koppji li waslu biex isiru ġenituri.

“Aħna ma għidniex lill-qwiebel biex jieqfu jaħslu lit-trabi” – Pace

Pace kompla jispjega li kien hemm diskussjoni oħra li qamet fuq il-media soċjali kawża tad-direttivi hekk kif ħafna persuni mill-pubbliku mhux mgħarrfa dwar il-protokolli tal-isptar. Spjega li l-ewwel ħasla tat-tarbija dejjem tingħata mill-omm, u l-qwiebel jintalbu jissorveljaw. Qal li dan il-proċess huwa wieħed normali sabiex jgħin lill-ommijiet ikunu preparati dwar x’għandhom jagħmlu meta jkunu d-dar waħedhom.