Sospiżi d-direttivi tal-UĦM

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-UĦM – Voice of the Workers issospendiet id-direttivi tagħha “b’sens ta’ rieda tajba” għall-ġimagħtejn li ġejjin.

Dan wara laqgħa li kellha l-unjin mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa Chris
Fearne.

Fil-laqgħa ġew diskussi bosta suġġetti pendenti, sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim settorali għall-Allied Health Professionals.

Fl-10 t’Awwissu, il-UĦM Voice of the Workers kienet ħarġet b’numru ta’ azzjonijiet industrijali lil dawn il-professjonisti minħabba li ma kien qed ikun hemm l-ebda żvilupp fin-negozjati. Issa li sar dan l-iżvilupp, il-UĦM, b’sens ta’ rieda tajba, qed tissospendi dawn l-azzjonijiet industrijali għal ġimagħtejn bil-għan li jintlaħaq ftehim aħħari.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-qbil li ntlaħaq fil-laqgħa tal-lum fi tweet li kiteb illejla, u qal li fl-aħħar mill-aħħar, il-pazjenti huma r-rebbieħa.

Bosta lmentaw fuq dawn id-direttivi, fosthom ġenituri li wrew tħassib fuq kif dawn id-direttivi, li jinkludu l-professjonijiet tal-occupational therapists u d-dental hygienists, fost l-oħrajn, qed jaffettwaw lil uliedhom b’diżabbiltà. Illum il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ħarġet stqarrija dwar dan.